Tuesday, December 30, 2025

Sena oħra ta’ suċċess għall-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Is-sena 2025, li waslet biex tintemm, kienet karaterrizzata minn suċċessi sinifikanti għall-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta (VCA). Tant li l-attivitajiet ta’ livell għoli li saru għall-pubbliku u anke għat-turisti li jżuruna, wasslu liċ-Ċermen tal-VCA Jason Micallef jiddeskrivi lill-Belt Valletta bħala “l-Kapitali Ewropea fil-Mediterran.”

F’kummenti ma’ L-Orizzont, Micallef sostna li l-VCA llum hi stabbilita bħala l-akbar aġenzija li torganizza l-akbar avvenimenti kulturali fil-Kapitali tagħna. Fil-fatt, l-Aġenzija hi l-kuratur tal-aktar avvenimenti importanti li jseħħu matul it-12-il xahar tas-sena fil-Belt Valletta. 

Xhieda ta’ dan, sostna ċ-Ċermen tal-VCA, huma l-attendenzi rekord li ġew irreġistrati matul din is-sena. “Il-fiduċja f’dak kollu li torganizza l-VCA qiegħda dejjem tiżdied. Attendew eluf kbar għal attivitajiet diversi li l-aġenzija organizzat matul l-2025, sew f’diversi teatri fil-Belt Valletta u anke fi pjazez fil-miftuħ u t-toroq ewlenin.” 

Huwa elenka diversi avvenimenti ewlenin li saru din is-sena fosthom l-Opera in The Capital, Ilħna li Jibqgħu, il-Valletta Local Food Festival, il-Valletta Green Festivals, iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Milied, l-esebizzjonijiet li ttellgħu minn artisti lokali, il-kunċerti operistiċi li ġew organizzati flimkien max-xogħol kbir li għaddej fil-Valletta Design Cluster. 

“Dan kollu jagħmel ix-xogħol tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta wieħed speċjali ħafna fil-Kapitali tagħna. Għalhekk jien kburi bix-xogħol kbir imwettaq mill-ħaddiema u l-istruttura b’saħħitha li għandha l-Aġenzija,” tenna Micallef. 

Huwa żied jirringrazzja lill-Gvern li kompla juri l-fiduċja tiegħu fl-Aġenzija permezz ta’ budget li dejjem jiżdied fejn għas-sena 2026 qed tkun allokata s-somma rekord ta’ €4.5 miljuni li se jkunu investiti kollha kemm huma f’attivitajiet fi programm kulturali aktar b’saħħtu.

“Fl-2026 qed nistennew attivitajiet kbar oħra fil-miftuħ fil-Belt Valletta. Inħares ’il quddiem għall-edizzjoni li jmiss tal-Valletta Pageant of The Seas, l-ispettaklu li norganizzaw kull sentejn fil-Port il-Kbir.

“Għandna kunċert speċjali li se jsir fil-miftuħ, l-aqwa 20 kanzunetta tal-Maltin bejn l-1975 u l-2005. In-nies ivvutaw u kkonkorrew għalih bil-kbir. Dan il-kunċert se jsir fl-aħħar ta’ Mejju fi Pjazza San Ġorġ bl-isem “L-Aqwa 20 tal-Maltin”.

“Se ssir edizzjoni akbar tal-Valletta Green Festival, il-Valletta Food Festival, Opera in The Capital, ċelebrazzjonijiet oħra relatati mal-Ġimgħa l-Kbira u l-attivitajiet kbar tal-Milied, li se jkunu speċjali ħafna għas-sena d-dieħla fil-Belt Valletta. Dan apparti s-sehem tagħna fil-Biennale fil-Belt Valletta s-sena d-dieħla,” tenna Micallef. 

Huwa temm jappella biex in-nies tattendi għaċ-Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena li se jsiru fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta, biex flimkien nilqgħu s-sena l-ġdida, l-2026. Iċ-ċelebrazzjonijiet jinkludu mużika live, divertiment u anke wirja kbira ta’ logħob tan-nar tal-ajru fil-Port il-Kbir. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport