Wednesday, December 25, 2024

Sena priġunerija fuq traffikar ta’ immigranti

Aqra wkoll

Eġizzjan ta’ 35 sena ntbagħat sena ħabs wara li ammetta għal akkużi dwar traffikar ta’ immigranti.

Mohamed Ahmed Elgamal kien tressaq il-Qorti mixli li fl-14 ta’ Settembru li għadda, għen jew assista sabiex jidħlu l-immigranti f’pajjiżna b’mod illegali. Huwa kien mixli wkoll li saq bastiment mingħajr liċenzja.

Elgamal kien għall-ewwel wieġeb mhux ħati imma mbagħad għażel li jammetti għall-akkużi miġjuba kontra tiegħu, bil-Qorti twissieh dwar il-konsegwenzi ta’ din l-ammissjoni. Huwa iżda kkonferma li kien ħati.

Qabel ġiet biex tagħti l-piena, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, ikkunsidrat l-ammissjoni tiegħu u l-fatt li huwa wera bil-fatti li ried jikkopera mal-awtoritajiet investigattivi, fejn wera li lest jikkonferma x-xhieda tiegħu meta l-proċeduri fil-konfront tiegħu jiġu konklużi.

Il-Qorti qieset ukoll il-fedina penali netta tiegħu u ċ-ċirkostanzi l-oħra tal-każ, fosthom li biex tintrebaħ il-ġlieda kontra dan il-fenomenu li jisfrutta l-miżerja ta’ persuni kostretti li jfittxu ħajja aħjar, hu essenzjali li persuni li kienu ko-parteċipi jew involuti f’tali għemil, kemm-il darba ma jkunux jew jibqgħu ko-imputati, jagħtu x-xhieda tagħhom.

L-għadd ta’ persuni megħjuna u assistiti biex jiddaħħlu Malta wkoll ingħata piż fil-konsiderazzjonijiet tal-Qorti dwar il-piena.

Kien għalhekk li nstab ħati tal-imsemmija akkużi u kien ikkundannat għal perjodu ta’ sena priġunerija flimkien ma’ multa ta’ €500.

Ekonomija

Sport