Waqt id-dibattitu Parlamentari dwar l-estimi finanzjarji għall-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC), il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli qalet li s-sena li għaddiet kienet waħda rekord għall-Korporazzjoni, immarkata b’kisbiet innovattivi, inizjattivi ġodda u progress kontinwu.
Il-Ministru Dalli spjegat li matul is-sena li għaddiet rajna:
- Livelli rekord ta’ tnaqqis ta’ leakages, b’indiċi ta’ 1.8 jew 9.5% tal-produzzjoni tal-ilma, meta mqabbel mat-13% fl-2013.
- Numru rekord ta’ każijiet solvuti ta’ abbuż tal-ilma li qabżu il-mitt każ.
- Produzzjoni ta’ ilma rekord ta’ 36.7 miljun metru kubu, l-ogħla ammont fl-aħħar 20 sena
- Rekord ta’ New Water provdut lill-komunità agrikola ta’ 1.6 miljun metru kubu.
- L-anqas livelli ta’ klorin fl-ilma, tnaqqis ta’ 30% matul l-2023.
- L-anqas livelli ta’ mluħa fl-ilma tax-xorb – tnaqqis ta’ 30% matul l-aħħar tlett snin.
- 9 miljun ta’ kWh f’enerġija rinovabbli ġġenerati mis-sistemi fotovoltajiċi u produzzjoni ta’ biogas.
Il-Ministru Dalli fissret kif ir-riżultati pożittivi miksuba huma riżultat ta’ inizjattivi strateġiċi u żieda fl-effeċjenza tal-operat. L-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ billing systems avvanzati, servizz aħjar lill-klijenti, u prattiċi effiċjenti ta’ debt collection kellhom rwol kruċjali f’dawn il-kisbiet. Fl-2023, il-Korporazzjoni irnexxielha tnaqqas in-non revenue water bi 3.5%, u b’hekk l-effiċjenza tan-netwerk żdiedet għal 72% minn 57% fl-2013. Din l-effiċjenza tissarraf direttament f’żieda fid-dħul u tnaqqis fit-telf.
Inizjattivi ta’ Innovazzjoni u Sostenibbiltà
Waħda mill-aktar kisbiet sinifikanti tal-KSI fl-2023 kienet l-ħruġ, għall-ewwel darba f’ Malta, ta’ Green Bonds għall-ammont ta’ €25 miljun. Dan il-pass ippożizzjona l-Korporazzjoni bħala leader fil-finanzjament ekoloġiku.
Il-Green Bonds ġew sottoskritti kompletament fi ftit sigħat.
Dan, qalet il-Ministru Dalli, kien xhieda tal-kunfidenza qawwija li għandhom l-investituri fil-Korporazzjoni u f’dan it-tip ta’ finanzjament. Hija esprimiet ukoll ix-xewqa li din ma tkunx l-unika inizjattiva tax-xorti tagħha iżda li tkun l-ewwel pass li jispira aktar kumpaniji, anke fil-privat, biex jieħdu passi simili.
Min-naħa l-oħra, il-Korporazzjoni għamlet ukoll avvanzi notevoli fil-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, u kisbet ġenerazzjoni totali ta’ 9.1 miljun unit minn pannelli solari u biogas. Din il-kapaċità hija ekwivalenti għall-konsum annwali medju ta’ madwar 1,300 dar, li jorbot mal-għan tal-Korporazzjoni li jkollha impatt net zero fejn jidhlu emmissjonijiet.
Il-Ministru Dalli kompliet tgħid li fl-2023, il-WSC laħqet l-inqas livelli ta’ leakage tal-ilma fl-istorja tagħha, b’Infrastructure Leakage Index (ILI) ta’ 1.8, jiġifieri 9.5% tal-produzzjoni tal-ilma. Spjegat li dan huwa titjib sinifikanti mit-13% reġistrati fl-2013 u tirrifletti l-isforzi biex titjieb l-effiċjenza operattiva u s-sostenibbiltà.
Barra minn hekk, il-Korporazzjoni laħqet rekord ta’ produzzjoni tal-ilma b’36.7 miljun metru kubu. Il-Korporazzjoni qiegħda taħdem biex tilqa’ għall-ħtiġijiet tal-lum u ta’ għada u tara li tagħmel l-investiment meħtieġ biex taħseb għall-ġejjieni.
Hija kompliet tgħid li l-kwalità tal-ilma pprovdut mill-Korporazzjoni ra wkoll titjib sostanzjali.
Permezz ta’ sforzi ddedikati, il-livelli tal-klorin naqqsu bi 30% biex tkun żgurata kwalità aħjar tal-ilma għall-konsumaturi. Barra minn hekk, il-kontenut medju tal-imluħa fl-ilma tax-xorb tnaqqas għal 350 mg/l, li huwa titjib sinifikanti mill-500 mg/l u aktar fis-snin preċedenti.
Semmiet ukoll li l-Korporazzjoni qed taħdem ukoll aktar favur is-sostenibilità. Biż-żieda fil-proporzjon ta’ ilma prodott mir-Reverse Osmosis, qed titnaqqas l-estrazzjoni tal-ilma tal-pjan għal livell iktar sostenibbli.
Matul is-sena l-oħra, il-Korporazzjoni nediet diversi inizjattivi mmirati biex jitnaqqas l-impatt ambjentali u jkunu promossi prattiċi sostenibbli. Waħda minn dawn l-inizjattivi hija l-espansjoni tal-inizjattiva New Water, li tinvolvi t-trattament tad-drenaġġ għal standard għoli biex jerġa’ jintuża fl-agrikoltura.
Dan il-programm mhux biss jikkonserva riżorsi prezzjużi ta’ ilma tal-pjan iżda jipprovdi wkoll sors ta’ ilma għall-użu mhux potabbli. Fl-2023, ipproduċejna 1.6 miljun metru kubu ta’ New Water, ammont rekord li kien ta’ appoġġ sinifikanti għas-settur agrikolu ta’ Malta.
Barra minn hekk, l-impjant innovattiv tar-reverse osmosis f’Ħondoq ir-Rummien f’ Għawdex, rebaħ il-premju prestiġjuż l-Energy Globe Award għas-sistema teknoloġika avvanzata tiegħu għad-desalinizzazzjoni tal-ilma baħar.
Imma x’qed naraw għaż-żmien li ġej?
Dwar kif il-Korporazzjoni qed tħares lejn il-futur, intqal li din hi impenjata favur is-sostenibbiltà, l-innovazzjoni, u l-eċċellenza tas-servizz. Il-pjan strateġiku għas-snin li ġejjin jiffoka fuq diversi oqsma fosthom il-ġestjoni sostenibbli tal-ilma, l-innovazzjoni teknoloġika, l-involviment tal-komunità, it-titjib fl-operat u r-reżiljenza u l-adattazzjoni.
Lejn tmiem id-diskors tagħha, il-Ministru Dalli għamlet referenza għal ċirkostanzi fejn ikun xi hemm kwistjoni relatata mad-drenaġġ, ħafna drabi riżultat ta’ konnessjonijiet privati. F’dan ir-rigward, hija qalet li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tisħaq li kull ilma mormi li jidħol fil-faċilità tagħha jgħaddi minn trattament bir-reqqa.
“L-ebda drenaġġ mhux trattat ma jintefa fil-baħar. L-unika każijiet fejn l-ilma jinħeles fil-baħar huma waqt manutenzjoni ta’ rutina, u dan isir għal perjodu qasir u jseħħ biss wara li tkun infurmata l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA).
“Riċentament kellna rapporti, bħal każ tal-bajja ta’ San Ġorġ, li ma kienx relatat man-netwerk tal-Korporazzjoni iżda każ ta’ terzi, fejn il-problema kienet ġejja mill-parti tan-network privata u li tranġat mill-parti involuta.
“Tajjeb hawnhekk insemmi li l-maġġoranza tan-nixxiegħat ta’ drenaġġ li jiġu rappurtati viċin il-bajjiet, fil-maġġoranza assoluta tagħhom huma każijiet maħluqa minn terzi,” spjegat il-Ministru Dalli.
“F’tali l-Korporazzjoni tinforma lid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika u tassistihom jekk ikun meħtieġ. Kellna każijiet oħra fejn il-problema tkun gejja minn irregolaritajiet jew rimi ta’ skart irresponsabbli fis-sistema, bħal xaħam, żjut jew varji oġġetti oħra li jintremew.
Għalhekk nappella biex kulħadd joqgħod attent x’jitfa fin-network għax in-network tad-drenaġġ huwa intiz li jġorr drenaġġ biss – anke wipes mormija joħolqu sfida kbira fin-network tad-drenaġġ. Forsi ftit jirrealizzaw li dawn jinġemgħu f’ballun kbir bil-konsegwenza li jsoddu n-network tad-drenaġġ. Għalhekk nappella għal għarfien akbar dwar użu responsabbli tan-networks.”