Sunday, November 24, 2024

Sena ta’ gwerra fl-Ukrajna … attakki qawwija, eluf ta’ vittmi u eżodu ta’ refuġjati

Il-punti ewlenin u kruċjali xahar b’xahar

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Fl-24 ta’ Frar 2022 il-President Russu, Vladimir Putin, invada l-Ukrajna mit-Tramuntana, mill-Punent u min-Nofsinhar. Huwa qal li din kienet “operazzjoni militari speċjali” li l-għan tagħha kien li jneħħi l-armi u n-nażismu mill-pajjiż biex jipproteġi Russi etniċi; iwaqqaf milli Kyiv isir membru tan-NATO; u biex ir-Russja żżomm ċerta influwenza. L-Ukrajna u l-pajjiżi tal-Punent ikkundannaw dan fejn saħqu li huwa att illegali ta’ aggressjoni f’pajjiż demokratiku li eleġġa gvern u president Lhudi li l-qraba tiegħu kienu nqatlu fl-Olokawst.

It-truppi Russi f’leħħa ċċirkondaw il-belt kapitali Kyiv iżda l-attentati tagħhom li jaħtfuh intlaqgħu b’reżistenza qawwija. Il-President Ukren Volodymyr Zelensky ġibed vidjow barra l-kwartieri ġenerali tiegħu ħalli juri li għadu jmexxi u li se jibqa’ jmexxi lil pajjiżu u lil niesu.

MARZU 2022

Fit-2 ta’ Marzu r-Russja ħadet il-kontroll tal-belt ta’ Kherson biex fil-ġranet ta’ wara l-forzi tagħha komplew sakemm okkupaw il-bqija tar-reġjun kif ukoll ir-reġjun ġar ta’ Zaporizhzhia li fih hemm l-akbar impjant nukleari fl-Ewropa. L-armata Russa baqgħet tiġġieled fi Kyiv iżda ffaċċjat u batiet attakki mill-artelleriji u drones tal-armata Ukrena.

Fis-16 ta’ Marzu r-Russja għamlet l-agħar attakk fuq nies ċivili meta splodiet teatru f’Mariupol li fih kienu qegħdin jistkennu mijiet ta’ nies. Moska ħabbret li se tirtira t-truppi minn Kyiv u żoni oħra fid-29 ta’ Marzu fejn iddikjarat li se tiffoka fuq il-qalba ta’ Donbas fejn hemm separatisti favur ir-Russja li kienu ilhom jiġġieldu lill-forzi Ukreni mill-2014 meta nqalgħet il-kwistjoni ta’ Crimea.

APRIL 2022

L-irtirar tar-Russi minn Kyiv kixef il-qtil ta’ mijiet ta’ persuni ċivili li tħallew f’oqbra tal-massa fit-toroq ta’ Bucha. Ħafna mill-vittmi kienu viżibbilment ittorturati qabel ma nqatlu tant li l-mexxejja dinjin qalu li r-Russja għandha tinżamm responsabbli għall-possibbiltà ta’ atti kriminali tal-gwerra.

Fid-9 ta’ April missila Russa laqtgħet stazzjon tal-ferroviji fil-belt ta’ Kramatorsk u qatlet 52 persuni ċivili, kif ukoll feriet aktar minn 100 oħra. Il-battalji intensi f’Mariupol fuq il-Baħar ta’ Azov b’attakki mill-ajru u bombardamenti mill-artillerija Russa ġarrfu kompletament iż-żona.

Fit-13 ta’ April il-missila Moskva, li hija l-aktar arma potenti fil-flotta Russa fil-Baħar l-Iswed, tintlaqtgħet mill-missilli Ukreni u għerqet. Telfa kbira għar-Russi li naqqset il-kunfidenza militari tagħhom.

MEJJU 2022

Fis-16 ta’ Mejju Ukreni pprovaw jiddefendu fabbrika kbira tal-azzar f’Azovstal (l-aħħar waħda li kellhom taħt kontroll f’Mariupol) imma wara li kienu ilhom assedjati għal kważi tliet xhur, aċċettaw li jċedu f’idejn il-forzi Russi. It-telfa f’Mariupol ikkawżat problemi kbar għall-Ukrajna minħabba li nfetaħ kuridur għar-Russi fil-Crimea.

Fit-18 ta’ Mejju l-Filandja u l-Isvezja applikaw biex jingħaqdu man-NATO. Din il-mossa kienet daqqa ta’ ħarta kbira għal Moska fl-oppożizzjoni tagħha li jkun hemm espansjoni f’din l-alleanza militari.

ĠUNJU 2022

Aktar konsenji ta’ armamenti mill-Punent daħlu fl-Ukrajna inklużi r-rokits mill-Istati Uniti tat-tip HIMARS. Fit-30 ta’ Ġunju t-truppi Russi rtiraw minn Snake Island, port ta’ Odesa, li kienu ħatfu fil-bidu tal-invażjoni.

LULJU 2022

Fit-22 ta’ Lulju bl-intervent ta’ medjazzjoni mit-Turkija u l-Ġnus Magħquda (UN), ir-Russja u l-Ukrajna laħqu ftehim biex ikunu rilaxxati ħażniet ta’ qamħ miżmuma fil-portijiet tal-Baħar l-Iswed fl-Ukrajna. Dan minħabba li s-sigurtà tal-ikel kienet mhedda.

Fid-29 ta’ dan ix-xahar attakk b’missili laqgħat ħabs fil-belt ikkontrollata mir-Russi ta’ Olenivka fejn is-suldati Ukreni maqbuda f’Mariupol kienu miżmuma. F’dan l-attakk mietu mill-inqas 53 Ukreni.

AWWISSU 2022

Fid-9 ta’ Awwissu kien hemm splużjonijiet qawwija fil-bażi militari tal-ajru ta’ Crimea. Ġimgħa wara seħħu aktar splużjonijiet li laqtu stazzjonijiet tal-enerġija u ħażniet tal-armi. L-attakki kixfu l-fatt li r-Russja kienet vulnerabbli f’din iż-żona, liema żona kienet ikkonsidrata bħala strateġika fil-gwerra kontra l-Ukrajna. Ufffiċjal għoli militar ikkonferma li l-attakki fuq Crimea kienu saru mill-forzi Ukreni.

Fl-20 ta’ Awwissu Darya Dugina, bint in-nazzjonalist Russu, Alexander Dugin, inqatlet f’karozza bomba barra Moska. L-awtoritajiet Russi tefgħu t-tort ta’ dan l-attakk fatali fuq l-Ukrajna.

SETTEMBRU 2022

Fis-6 ta’ dan ix-xahar il-forzi Ukreni, bla ma kienu mistennija, għamlu kontro offensiva fir-reġjun ta’ Kharkiv u rnexxielhom ikeċċu lill-forzi Russi minn diversi nħawi li kienu ilhom okkupati għal xhur sħaħ.

Fil-21 ta’ Settembru Putin ordna l-mobilizzazzjoni ta’ 300,000 suldati tar-riserva. Din il-mossa ma niżlitx tajjeb maċ-ċittadini Russi tant li mijiet ta’ eluf ta’ rġiel Russi ħarbu mill-pajjiż u anke minn dawk tal-madwar ħalli jevitaw li jkunu arwolati. Tul dan il-perjodu r-Russja għamlet referendi llegali fir-reġjuni ta’ Donetsk, Luhansk, Kherson u Zaporizhzhia biex jaraw iridux jingħaqdu mar-Russja. Dawn ir-referendi kienu deskritti bħala tal-mistħija u ma ġewx rikonoxxuti la mill-Ukrajna u lanqas mill-Punent.

Fit-30 ta’ Settembru Putin iffirma dokumenti li fihom erba’ reġjuni tniżzlu bħala parti mir-Russja.

OTTUBRU 2022

Fit-8 ta’ Ottubru trakk mimli splussivi sploda fuq il-pont li jgħaqqad il-Crimea mar-Russja f’attakk li Putin saħaq li sar mill-Ukreni. Ir-Russja attakkat lura b’missili fuq impjanti tal-enerġija u infrastrutturi importanti oħra fl-Ukrajna. Wara l-ewwel mewġa ta’ attakki, fl-10 ta’ Ottubru saru għadd ta’ attakki oħra li dam u tul ix-xhur ta’ wara b’konsegwenza li kien hemm qtugħ fil-provvista tal-elettriku mal-pajjiż kollu.

NOVEMBRU 2022

Fid-9 ta’ Novembru r-Russja ħabbret li se tirtira mill-belt ta’ Kherson. Dan l-irtirar ħammar wiċċ ir-Russi hekk kif Kherson kien l-unika reġjun ċentrali li Moska kien irnexxielha tieħu l-kontroll tiegħu.

DIĊEMBRU 2022

Fil-5 ta’ dan ix-xahar il-qawwa militari Russa qalet li l-Ukrajna wżat drones biex tattakka żewġ bażijijet li fihom bombi qawwija f’territorju Russu. Attakk ieħor seħħ aktar tard f’dan ix-xahar fejn ikkonferma s-saħħa u d-deteminazzjoni tal-Ukrajna biex tiġġieled lill-forzi Russi.

Fil-21 ta’ Diċembru l-President Ukren Zelensky għamel l-ewwel żjara tiegħu mill-bidu tal-gwerra. Dan mar l-Istati Uniti u ltaqa’ mal-President Joe Biden. L-għan kien li jikseb sistemi tad-difiża b’missili tat-tip Patriot kif ukoll armamenti oħra huwa u jindirizza lill-Kungress.

JANNAR 2023

Fl-1 ta’ Jannar, ftit wara li bdiet is-sena l-ġdida, f’Makiivka, għadd sostanzjali ta’ suldati Russi nqatlu f’attakk b’missila mill-Ukrajna. Il-Ministru tad-Difiża Russu ħabbar li f’dan l-attakk inqatlu 89 suldati mentri uffiċjali Ukren qalu li kien hemm mijiet ta’ mwiet. Wara xhur ta’ ġlied feroċi r-Russja ddikjarat art oħra tagħha, din id-darba l-belt ta’ Soledar. Dan seħħ fit-12 ta’ Jannar imma Kyiv ftit jiem wara qal li ma jirrikonoxxix li Soledar kienet parti mir-Russja. F’dan ix-xahar Moska ttensifikat l-offensiva tagħha biex tieħu kontroll ta’ Bakhmut, żona importanti fl-Ukrajna.

Fl-14 ta’ dan ix-xahar ir-Russja bdiet sensiela oħra ta’ attakki fuq faċlitajiet tal-enerġija fl-Ukrajna. F’dawn l-attakki missila Russa laqtgħet blokka ta’ appartamenti f’Dnipro b’konsegwenza li mietu 45 persuna.

FRAR 2023

Fl-4 ta’ Frar l-Istati Uniti waqqgħu ballun Ċiniż minn fuq l-ispazju tal-ajru tagħhom u ftit tal-ġranet wara wissiet li qiegħda tissuspetta li ċ-Ċina se tforni armamenti biex tgħin lir-Russja fil-Gwerra kontra l-Ukrajna. Dan meta d-diplomatiku Ċiniż Wang Yi saħaq li pajjiżu għandu pjan li jista’ jwassal għall-paċi u appella biex il-pajjiżi tal-Punent aktar milli jibagħtu armi, għandhom jaħdmu biex isiru diskussjonijiet u negozjati ħalli tieqaf din il-gwerra.

L-għada l-Ministru tad-Difiża Ukren, Oleksii Reznikov, qal li pajjiżu qiegħed jissuspetta li r-Russja se tagħmel attakk qawwi ħafna u simboliku proprju għall-għeluq mis-sena tal-bidu tal-gwerra.

Fl-20 ta’ dan ix-xahar il-President Amerikan Biden mar fi Kyiv u ltaqa’ ma’ Zelensky fejn reġa’ rribatta li l-Istati Uniti se jkompli jgħin b’kull mezz possibbli lill-Ukreni.

Sport