Saturday, December 21, 2024

Sena ta’ ħidma diżappuntanti minn Biden

Aqra wkoll

Għaddiet sena minn meta rajna bidla fit-tmexxija tal-Istati Uniti. Kienet sena li matulha wieħed seta’ jistenna ħafna deċiżjonijiet mill-President Biden. Kien hemm stennija għal deċiżjonijiet li kien anke tkellem dwarhom fil-kampanja għal-Presidenza. Wara li għaddiet din l-ewwel sena, id-diżappunt hu kbir. L-istennija għall-bidliet tant mistennnija ma waslux minn Biden.

Niftakru kif fil-bidu li laħaq hu kien iffirma ordni eżekuttiva biex jitwaqqaf il-ħajt li kien qed jinbena mal-Messiku. Kien neħħa ukoll ordnijiet li jżommu vjaġġar minn pajjiżi Musulmani u kien ukoll żvela pjan biex miljuni ta’ immigranti bla dokumenti jibdew bil-mod it-triq biex ikollhom ċittadinanza.

Sena wara, ħafna minn dawn l-inizjattivi spiċċaw staġnati. Hu fatt li hemm bżonn riforma sħiħa fis-sistema immigratorja fl-Istati Uniti.

Fil-fatt x’ġara matul din is-sena mill-Presidenza immexxija minn Biden? Rajna żmien fejn kien hemm  żieda fl-ammont ta’ immigranti li kienu detenuti.  Rajna tfal ta’ immigranti jispiċċaw detenuti. Qed nitkellmu fuq eluf ta’ tfal. Tfal vulnerabbli li l-amministrazzjoni Biden, ma uriet l-ebda empatija lejhom. Mhux hekk biss imma kien hemm ammont kbir ta’ immigranti li kienu deportati. Fil-fatt għal xi żmien iddeporta aktar immigranti bil-famuża liġi imsejħa ’Title 42’, minn kemm iddeporta l-President Trump.

Jekk nieħdu qasam ieħor, il-kwistjoni Palestinjana. Anki hawn ftit li xejn rajna tibdil. Fil-fatt Biden hu kommess għal ftehim bejn l-Istati Uniti u Iżrael  fejn hu mistenni li jkun approvat finanzjament miljunarju għas-sistema ta’ difiża bil-missili f’Iżrael. Dan minkejja li l-kunflitt mal-Palestinjani kompla għaddej. 

Rajna imbagħad kif anke fl-Afganistan waqt li beda jagħti l-impressjoni li kien se joħroġ mill-Afganistan, kif imbagħad għamel b’ħafna għaġġla u nħoloq kaos sħiħ, l-istess Stati Uniti kif rat l-avvanzi tat-Talibani f’Zaranj, iddeċidiet li twettaq bumbardamenti mill-ajru f’divesi żoni.  Guantanamo, jew aħjar id-detenzjoni f’Guantanamo, kien tkellem diversi drabi fuqha. Persuni jispiċċaw jinħatfu u jkunu deportati lejn dan iċ-ċentru. Kienet ingħatat l-impressjoni li dan iċ-ċentru se jingħalaq, minn dan kollu imma ma sar xejn.

Qasam ieħor li dwar kien mistenni ħafna minn Biden kien dak tal-bidla fil-klima. Quddiem dak li kien jgħid Trump, li lanqas kien jirrikonoxxi l-bidla fil-klima,  kien hemm stennija li Biden ibiddel ir-rotta.

Biex inkunu ċari kien hemm bidla, imma żgur li din il-bidla mhix biżżejjed. Hi bidla immexxija minn sforz dgħajjef ħafna. Nemmnu li prattikament hi konferenza inadekwata. Kien mistenni ħafna mill-konferenza dwar il-bidla fil-klima il-COP26, imma din prattikament ma laħqitx l-aspettattivi. Jekk tara x’politika qed timbotta l-amministrazzjoni ta’ Biden tara li din hi bbażata fuq li jkompli jgħin u jiffinanza il-produzzjoni tal-fjuwils. M’hemmx dubju li dan hu eżempju ħażin mil-amministazzjoni Biden, meta tara x’qed jgħidu r-rapporti mix-xjentisti dwar il-bidla fil-klima. 

U fejn wieħed stenna li Biden jgħaddi messaġġ b’saħħtu hu spiċċa naqas li jagħmel dan. Fost dan kien hemm il-każ ta’ Kyle Rittenhouse, iż-żagħżugħ li kien spara u qatel żewġ persuni meta kienu qed jipprotestaw f’Kenosha fWisconsin b’rabta ma’ vjolenza mill-Pulizija fuq persuni suwed. Rittenhouse, ġie liberat mill-akkużi kollha kontrieh. Kien mistenni li Biden jitkellem ċar dwar dan iżda hu wieġeb biss li l-pożizzjoni tiegħu hi dik konformi mad-deċiżjoni tal-ġuri. Hu qal li s-sistema tal-ġuri qed taħdem u li trid tkun segwita. 

Wieħed jifhem li d-deċiżjoni mill-qrati għandha tkun segwita, iżda hu fatt magħruf li fl-Istati Uniti hemm dubji kbar dwar deċiżjonijiet li ttieħdu fuq każi li tressqu ta’ vjolenza minn persuni bojod.  Nemmnu li iva, fl-Istati Uniti, hemm bżonn bidliet f’dan il-qasam u għal darba oħra, Biden qed jinjora dan.

Jekk nieħdu l-pandemija u l-każijiet tal-Covid19 naraw li l-imwiet mill-virus tal-Covid19 kienu qegħdin jiżdiedu.  Dakinhar ukoll il-programm ta’ tilqim kien miexi b’mod kajman.  Ma ninsewx kif kien wiegħed li se jiġġieled bil-qawwa kollha il-Covid19.  Sal-bidu ta’ Lulju li għadda, l-Istati Uniti kienet esperjenzat tnaqqis ta’ każi ta’ Covid19.  L-iskejjel reġgħu fetħu u l-ekonomija Amerikani bdiet tirkupra bil-mod. Ġara iżda li l-varjanti Delta u Omicron, tefgħu mill-ġdid lill-Istati Uniti taħt pressjoni. Il-kaos li nħoloq tant kien kbir li beda jkun hemm kjuwiet kbar ta’ nies fis-siti li jittestjaw għal virus u anke nuqqas ta’ testijiet fid-djar. 

Minkejja li kien qal li se jiġġieled il-pandemija, illum sena wara li ħarġet it-tilqima, laqqam madwar 75 fil-mija tal-popolazzjoni, waqt li 40 fil-mija ingħataw il-booster. Ma’ dawn wieħed irid isemmi li skont informazzjoni li nħarġet minn Ċentru għal Prevenzjoni tal-Mard (CDC) sa ftit jiem ilu kienu qed imutu medja ta’ 1,850 ċittadini Amerikan bil-Covid kuljum. Il-previżjoni huma li l-imwiet se jiżdiedu u mhux jonqsu. 

U jekk inqabblu l-mwiet fis-sena 2020 ma’ dawk tas-sena 2021, wieħed jara li taħt Biden l-imwiet żdiedu.

M’hemmx dubju li wieħed stenna ħafna aktar mill-amministrazzjoni Biden.  Wieħed stenna fuq kollox politika aktar ċara u fuq kollox bidliet sinifikanti minn kif l-Istati Uniti kienet miexja taħt Trump. M’hemmx dubju li ħafna inkuż fl-Istati Uniti huma diżappuntanti bil-Presidenza Biden. 

Ekonomija

Sport