Sunday, July 6, 2025

Sena ta’ Suċċess: 24 żagħżugħ u żagħżugħa fil-qalba tal-Ewropa permezz tal-Programm ta’ Osservazzjoni tal-MEP Daniel Attard

Aqra wkoll

F’għeluq sena mill-bidu tal-mandat tiegħu, l-Ewroparlamentari Daniel Attard immarka s-suċċess tal-Programm għaż-Żgħażagħ fil-Parlament Ewropew. Fl-ewwel sena biss, 24 żagħżugħ u żagħżugħa minn Malta u Għawdex ingħataw iċ-ċans uniku li jesperjenzaw il-ħidma ta’ MEP minn wara l-kwinti, għal ġimgħa sħiħa.

Imniedi b’kollaborazzjoni mal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi u mal-għaqda studenteska Pulse, dan il-programm jagħti opportunità konkreta u vivaċi liż-żgħażagħ biex jidħlu fil-qalba tal-politika Ewropea, jiddiskutu, u joffru l-ideat tagħhom dwar oqsma kruċjali bħat-trasport, it-turiżmu, it-teknoloġija, l-enerġija u l-iżvilupp reġjonali.

Għaldaqstant, aktar minn sempliċiment żjara, permezz ta’ dan il-programm iż-żgħażagħ setgħu jsegwu mill-qrib lil Daniel Attard, u fuq kollox, jesperjenzaw il-ħidma ta’ Ewroparlamentari.

“Din hija opportunità li jien qatt ma kelli, u proprju għalhekk ridt noffriha lil ħaddieħor. Il-politika trid tkun awtentika, u lil hinn mill-media soċjali, dan il-programm tassew ipoġġi liż-żgħażagħ fiċ-ċentru ta’ ħidmietna“qal MEP Attard.

Il-programm diġà għen lil dawn iż-żgħażagħ jibnu kuntatti, jiksbu kunfidenza, u jifhmu aħjar kif id-deċiżjonijiet tal-UE jolqtu l-ħajja ta’ kuljum. U dan huwa biss il-bidu, hekk kif ħafna aktar żgħażagħ se jkollhom iċ-ċans li jesperjenzaw il-Parlament Ewropew ma’ Daniel Attard fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.

L-applikazzjonijiet għadhom miftuħa fuq danielattard.com/observation-visits/.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport