Saturday, December 21, 2024

Senatur Niġerjan u martu jinstabu ħatja tat-traffikar ta’ persuna għall-organi fir-Renju Unit

Aqra wkoll

Politiku Niġerjan flimkien ma’ martu u tabib instabu ħatija tat-traffikar tal-organi fir-Renju Unit.

Is-Senatur Ike Ekweremadu, fl-età ta’ 60 sena, martu Beatrice ta’ 56 sena, u Dr Obinna Obeta ta’ 50 sena meqjus bħala “l-middleman”, instabu ħatja ta’ konfoffa biex jisirqu organi ta’ żagħżugħ mill-Belt ta’ Lagos fin-Niġerja.

Bint il-koppja, Sonia, infaqgħet tibki waqt l-istess ġuri, hekk kif wara deliberazzjoni ta’ madwar 14-il siegħa, hija ma nstabitx ħatja tal-istess akkużi.

Il-pjan ta’ dawn it-tliet persuni nkixef meta ż-żagħżugħ ta’ 21 sena li waqa’ vittma f’idejn koppja Niġerjana rnexxielu jaħrab mill-propjetà li kien qed jinżamm fiha f’Londra fejn kien qed jiġi ttrattat qisu “skjav”.

Wara numru ta’ jiem jgħix f’din il-kefrija, iż-żagħżugħ irnexxielu jasal fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Surrey, Londra, fejn għarrafhom li nġieb Londra minn pajjiż Afrikan.

Apparentament, il-ħsieb tat-traffikanti kien li jagħtu waħda mill-kliewi taż-żagħżugħ lil binthom Sonia – tfajla li kellha marda rari li kawża t’hekk kien qed ikollha tirċievi trattament l-isptar.

Dan “it-transplant privat”, li kellu jsir fir-Royal Free Hospital ta’ Londra, huwa stmat li kien ġej jiswa mat-£80,000. Il-Qorti Kriminali tal-Ingilterra u Wales, Old Bailey, semgħet kif allegatament ir-raġel kien offrut somma li tlaħħaq is-£7,000 kif ukoll wegħduh ħajja aħjar.

Is-Sur Justice Johnson ordna li l-akkużati jinżammu fil-kustodja tal-Pulizija sakemm tinqata’ s-sentenza fil-5 ta’ Mejju li ġej. 

Ekonomija

Sport