Thursday, December 26, 2024

SENSITTIVITÀ LEJN IL-PRODOTT LOKALI

Aqra wkoll

Il-Gvern baqa’ jsostni l-prinċipju soċjali tiegħu bid-diversi miżuri li ħa biex ikompli jgħin faxex vulnerabbli tas-soċjetà Maltija. Dan kien ċar fil-miżuri li ilhom għaddejjin kontinwament fosthom iż-żieda tal-Cola, is-sussidju fil-prezz tad-dqiq, tal-ġwież u taċ-ċereali li jiġu importati f’pajjiżna u anke fil-prezzijiet tal-enerġija. Dawn kollha huma miżuri immirati li iservu biex jiggarantixxu soċjetà ġusta u ekwa.

F’dawn il-ġranet il-konsumatur beda jgawdi minn prezzijiet imraħħsa fuq għadd ta’ prodotti essenzjali tal-ikel. Dan permezz tal-ftehim li sar bejn il-Gvern, l-importaturi u sidien ta’ ħwienet għal roħs sa 15% f’għażla ta’ aktar minn 450 prodott. B’din l-iskema l-Gvern qiegħed ikompli jgħin lill-familji u dawk l-aktar fil-bżonn fiż-żmien ta’ sfidi. Barra lista ta’ sussidji diġà eżistenti, din l-iskema żgur li se tkompli tnaqqas mill-piż tal-għoli tal-ħajja fejn kull ċenteżmu jgħodd. 

Inizjattivi bħal dawn jgħinu biex il-pajjiż u l-ekonomija lokali jibqgħu sostenibbli quddiem l-isfidi fuq skala internazzjonali li ilna niffaċċjaw għal dawn l-aħħar snin. Malta, imqabbla ma’ pajjiżi oħra, baqgħet soda u dan meritu ta’ tmexxija għaqlija. Iżda, filwaqt li t-traħħis fil-prezzijiet ta’ ċerti prodotti se jgħinu l-but tal-konsumatur, wieħed irid joqgħod attent u jkun sensittiv li dan ma jservix ta’ detriment għal setturi sensittivi lokali fosthom il-biedja u l-agrikoltura, kif ukoll it-turiżmu. Dan b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-prodott lokali, inkluż il-majjal Malti. 

Is-settur agrikolu wkoll għandu quddiemu sfidi kbar fosthom iż-żieda fil-prezzijiet tal-ġwież u kompetizzoni ħarxa f’suq miftuħ. Il-Gvern dejjem saħaq fil-prodott ta’ kwalità u frisk madankollu, l-għażla naturali tal-konsumatur qiegħda tkun fuq l-orħos prezzijiet. Għalhekk wieħed irid joqgħod attent li ma jpoġġix il-prodott lokali fi żvantaġġ ma’ dak impurtat.

Hawn ta’ min isemmi wkoll lir-ristoranti li filwaqt li jridu jservu prodotti ta’ kwalità, il-kwalità tista’ tqumilhom aktar flus mill-prodott impurtat. Quddiemhom dawn se jkollhom l-għażla bejn prodott frisk u ġenwin lokali u dak importat bi prezz imraħħas.

Bħall-konsumatur fi żmien li qiegħed jisssikka ċ-ċinturin, jista’ jkun diffiċli għar-ristoranti li jagħżlu l-prodott lokali. Dan ifisser inqas bejgħ għall-produtturi lokali. Is-sitwazzjoni titlob li l-għajnuna li qiegħda tingħata lill-bdiewa mhux biss tibqa’ tkun sostnuta imma wkoll li tkun riveduta ‘l fuq biex wara kollox ikun protett il-prodott lokali.

Nemmnu li l-għażla tal-prodott Malti bi prezz kompettiv hija l-aħjar għażla kemm għall-konsumatur, għal min jipproduċih u anke għall-pajjiż. Huwa importanti li s-suq ikun ġust biex iż-żewġ naħat jibqgħu kompettitivi. Irridu nassiguraw li l-kompetizzjoni tkun waħda ġusta għal kulħadd. B’dan il-mod nassiguraw li nkunu qegħdin nibżgħu għas-suq lokali.

Ekonomija

Sport