Niġerjan ta’ 41 sena li jgħix San Pawl il-Baħar intbagħat sentejn ħabs u mmultat €20,000 wara li nstab ħati li ffroda mara eluf ta’ ewro. Huwa kien ikkonvinċa lil din il-mara li kien suldat Amerikan stazzjonat is-Sirja u li kien ġej Malta biex ikompli r-relazzjoni magħha.
Waqt is-smigħ tal-każ fil-Qorti ntqal li l-mara kienet ta’ spiss tħallas flus lill-akkużat Oliver Chamberline Chibuike, li kien wieħed mit-tliet irġiel barranin li kienu ġew mixlija li bejn Jannar u Marzu tal-2019, wettqu reati ta’ ħasil ta’ flus.
Ingħad li l-kuntatt bejn il-mara u l-akkużat bdiet f’Diċembru ta’ ħames snin ilu, meta hija rċeviet messaġġ fuq Facebook, mingħand ċertu Victor Scarlett kien bagħtilha friend request.
Allegatament dan beda jkellimha u li mal-bidu tal-konversazzjoni bejniethom kien qalilha li huwa suldat Amerikan u li f’dak il-perjodu kien jinsab is-Sirja. Il-Prosekuzzjoni qalet li l-mara u l-akkużat ma waqfux jikkomunikaw, tant li darba minnhom huwa kien talabha sabiex tagħmillu pjaċir u tibgħat imejl lill-kmandant Jack Wilson jawtorizzalu l-leave.
Ftit tal-jiem wara, il-mara irċeviet risposta mingħand il-kmandant u li fil-messaġġ kitbilha li l-leave tal-akkużat ikun possibli biss jekk hi tibgħatlu somma tal-flus.
Il-Prosekuzzjoni qalet li l-mara għamlet dak li qalilha l-kmandant u ħallset is-somma tal-flus li talabha. Minkejja s-somma li tatu, huwa ma kienx sodisfat u f’messaġġ ieħor kien talabha sabiex ittih aktar flus.
Wara dak il-messaġġ, il-kmandant bagħtilha messaġġ ieħor li jgħid li minħabba li hi ma bagħtitlux iktar flus, ma kienx se jagħti permess lis-suldat, jiġifieri lill-akkużat sabiex jitlaq.
Quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, Chibuike ammetta l-akkużi kollha miġjubin kontrih. Min-naħa tagħha l-Qorti qalet li l-mara spiċċat bla flus minħabba l-fatt li kienet ġeneruża.
Meta ġiet biex tagħti s-sentenza, il-Qorti qieset li din kienet l-ewwel darba li l-akkużat kien involut fil-kriminalitá u kkunsidrat l-fatt li huwa rritorna lura l-€10,000 li ħa lill-mara.
Il-Qorti kkundannatu sentejn ħabs u multa ta’ €20,000. Il-Maġistrat Montebello ordnat sabiex il-propjetà mobbli u immobbli ta’ Chibuike jgħaddu f’idejn il-Gvern Malti.