Edwin Vassallo, ta’ 62 sena, messaġġier tal-Qorti li nstab ħati li seraq dokument mill-Qorti kien ikkundannat sentejn ħabs sospiżi għal 4 snin kif ukoll muluta ta’ €5,000.
Ir-raġel kien mixli li fis-27 ta’ April tal-2017 kif ukoll fil-ġimgħat ta qabel seraq dokumenti li kienu jagħmlu parti mill-provi tal-Pulizija fil-każ ta’ Angel Attard.
Il-Prosekuzzjoni qalet li kienet irċiviet rapport mill-Qorti li kienu nsterqu diversi dokumenti mill-proċess tal-kawża li kien hemm kontra Attard.
Dawn l-istess dokumenti kienu nstabu ftit tal-ħin wara f’armarju viċin awla u mill-investigazzjonijiet tal-pulizija rriżulta li l-akkużat kien naqas milli jgħaddi dawn id-dokumenti lill-maġistrat li kien qed jisma l-kawża u minflok kien għaddihom lill-messaġġier ieħor fejn poġġihom f’armarju.
L-akkużat kien qal li l-messaġġier l-ieħor kien talbu dawn id-dokumenti ċaħad li ħa xi flus mingħandu. Min-naħa tiegħu l-messaġġier l-ieħor qal li kien l-akkużat li tad id-dokumenti u talbu bix jaħbihom.
F’Awwissu tal-2019 il-Qorti kienet sabet lil Vassallo ħati ta’ kompliċità fis-serq u kkundannatu 3 snin probation u 480 siegħa xogħol fil-komunità. L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali kien appella mis-sentenza fejn talab lill-Qorti biex Vassallo jinstab ħati ta’ serq u mhux b’kompliċità f’serq.
L-Imħallef Edwina Grima li semgħet l-appell qalet li l-Qorti tal-Maġistrat żbaljat meta qieset li għax l-akkużat ma għamel ebda qliegħ għalih ma kienx ħati ta’ serq.
Għalhekk bidlet is-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati u waqt li sabet lil Vassallo ħati ta’ serq bidlet il-piena minn waħda ta’ probation u xogħol fil-komunità għal waħda ta’ sentenza ta’ ħabs sospiża u multa kif ukoll ordnat l-interdizzjoni ġenerali tiegħu.