Sunday, November 24, 2024

Sentejn ħabs sospożi għal raġel li attakka persuna b’kanna tal-ħadid f’Għajniselem

Aqra wkoll

Justin Vella ta’ 38 sena kellu s-sentenza tiegħu mibdula mill-Qorti tal-Appell hekk kif l-Avukat Ġenerali appella mis-sentenza tal-Ewwel Qorti wara li ħass li kienet sentenza li ma tirriflettix il-gravità tal-każ.

Kien fit-8 ta’ Jannar tas-sena li għaddiet meta Vella waqt li kien qiegħed Għajnsielem, Għawdex, attakka persuna b’kanna tal-ħadid għax skont hu kien qiegħed isuq b’mod traskurat u seta’ laqtu bil-karozza.

Jiem wara hu kien akkużat li weġġa’ gravi lill-vittma wara li ħebb għalih bl-intenzjoni li weġġgħu. Kien akkużat ukoll li kiser il-paċi pubblika u li sar riċediv.

Kien f’Diċembru tas-sena li għaddiet meta, fuq ammissjoni tiegħu stess, il-Qorti sabet lil Vella ħati tal-ewwel akkuża biss u kien għalhekk li lliberatu bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien tliet snin.

L-Ewwel Qorti kienet ikkonkludiet li dwar l-akkużi l-oħrajn ma tistax tieħu deċiżjoni minħabba li kienu preskritti. Hu lanqas kien instab ħati li kien riċediv.

Fl-appell tiegħu, l-Avukat Ġenerali qal li l-Ewwel Qorti kienet ħanina wisq mal-akkużat u dan minkejja li kien ammetta kull akkuża miġjuba kontrih. Hu kien għażel li ma jikkontesta l-ebda akkuża.

Il-Qorti tal-Appell, li kienet ppreseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, qablet mal-Avukat Ġenerali li s-sentenza kienet waħda ħanina u kien għalhekk li kkundannat lil Vella għal sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Josef Gauci.

Sport