Raġel ta’ 36 sena minn Bormla ġie kundannat sentejn ħabs wara li nstab ħati li fl-2010 imnotta raġel taraġ f’Bormla u weġġgħu.
Matul il-proċess tal-Qorti, il-Pulizija qalu li dakinhar kienet daħlet informazzjoni li fi Triq il-Gendus kien hemm persuna feruħa. X’ħin waslu fuq il-post kienu sabu raġel bi ġrieħi filwaqt li ibnu kien qed jipprova jgħinu.
Jirriżulta li l-vittma kien qed jilmenta ma’ persuna oħra li fid-dar tiegħu kien qed jidħollu d-drenaġġ. Dan l-arġument kien ilu għaddej xi ftit jiem, sakemm fil-ġurnata tal-inċident ir-raġel kien reġa’ mar għand din il-persuni biex jgħidilha bid-drenaġġ.
Kien hawn li nqala argument kbira bil-vittma jallega li kien ġie aggredit b’lasta ta’ xkupa minn raġel.
Fl-istess blokka ta’ appartamenti, toqgħod ukoll bint sidt il-proprjetà inkwistjoni. Magħha jgħix ukoll is-sieħeb tagħha li hu l-akkużat.
Skont dak ippreżentat fil-Qorti, x’ħin semgħu l-għajat huma niżlu isfel u ħarġu fit-triq. Kien hawn li l-vittma allega li l-akkużat imbuttah it-taraġ. Min-naħa tiegħu l-akkużat qal li hu kien qed jipprovaw jwaqqaf il-ġlieda u ma ried jimbotta lil ħadd ‘l isfel.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Marse-Anne Farrugia, innotat żewġ verżjonijiet differenti ta’ kif seħħ il-każ. Iżda meta imbgħad bdiet biex tanalizza dawn ix-xhieda qalet li l-familjari lanqas biss qablu, u wkoll taw verżjonijiet differenti.
Fis-sentenza l-Qorti qalet li l-vittma ma pprovokax lill-akkużat u għalhekk ma kellu l-ebda raġuni li jidħol fl-argument. Qalet ukoll li skont ix-xhieda ta’ iben il-vittma li kien qed hemm ukoll waqt il-ġlieda, qal li l-akkużat instema jgħid li ma jinteressahx li jiġu l-pulizija u anke jekk imur il-korp kollu lilu ħadd ma kien se jmissu.
Għalhekk, il-Qorti sabitu ħati u kkundanatu sentejn ħabs u ordnatlu li jħallas l-ispejjeż tal-Qorti. Il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.