Wednesday, April 24, 2024

Il-kaċċa u l-insib sostenibbli jistgħu jkunu għodda importanti għall-konservazzjoni

Il-President tal-FKNK Lukas Micallef

Aqra wkoll

Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) illum tħaddan ’il fuq minn 10,000 membru adult, u dan proprju jagħmilha l-akbar għaqda mhux governattiva (NGO) f”Malta. Il-FKNK ma tħaddanx xogħol biss fuq livell lokali, imma grazzi għal diversi affiljazzjonijiet importanti, hemm xogħol kontinwu għaddej ma’ kollegi tagħna rappreżentanti Ewropej, biex jibqgħu jkunu minn ta’ quddiem mgħarrfa b’informazzjoni teknika u jieħdu azzjonijiet responsabbli.

Iddikjara dan il-President tal-FKNK, Lukas Micallef f’intervista ma’ talk.mt dwar l-irwol tiegħu bħala President tal-Federazzjoni u l-ħidma tagħhom.

Immedjatament minn meta beda jokkupa l-pożizzjoni ta’ President, ġie ppubblikat manifest b’viżjoni, fejn flimkien mal-bqija tal-membri tal-Kunsill tal-FKNK sabu direzzjoni u strateġija li jridu jiġu mwettqa fuq tliet pilastri ewlenin – dawk tal

Komunikazzjoni, Sostenibbilitá u Konservazzjoni għall-futur tal-prattiċi tagħna u għall-benefiċċju tal-komunità Maltija. Il-Federazzjoni tibqa’ tkun minn ta’ quddiem li twassal il-messaġġ tal-ħidma tagħha b’mod professjonali, serju, responsabbli u adekwat għaż-żminijiet preżenti.

Il-FKNK għandha disa’ affiljazzjonijiet lokali u internazzjonali kif ukoll għandha tmien għaqdiet mhux governattivi affiljati magħha Spjega li fl-irwol tiegħu huwa responsabbli li jassigura li għandu jinżomm kuntatt miftuħ kemm mal-għaqdiet u sotto-kumitati affiljati kif ukoll mal-membri tagħha.

Qalilna li bħala President huwan kuntent bl-unità, esperjenza u passjoni mħaddna mill-Kunsill. Il-Federazzjoni tiltaqa’ kull ġimgħa u dejjem tara li minkejja d-diffikultajiet li jinqalaw, dejjem jibqgħu naħdmu u ma naqtgħu qalbna qatt.

Numru ta’ fatturi qed jaffettwaw il-passa tal-għasafar

Mistoqsi jekk iħossx li l-istaġun għandux jitwal f’pajjiżna, huwa qalilna li hija aktar kwistjoni li tiddependi speċjalment minn min jieħu d-deċiżjonijiet (Kummissjoni Ewropea) u l-bżonn li dawn jagħrfu l-element u l-importanza tal-kaċċa u l-insib, li kif kien ġie ddikjarat li dawn jistgħu jkunu għodda importanti għall-konservazzjoni meta jsiru b’mod sostenibbli.

Qalilna li jara li hija sfortuna, li l-Unjoni Eewropea, tħares lejn kull membru stat li jrid ikun uniformi, fejn dan huwa impossibli f’kontinent tant imħaddan b’kulturi diversi. Uniti nistgħu nkunu, imma uniformi le. Għaldaqstant, distinzjoni bejn kaċċatur nordiku mill-Finlandja, għandu jkun mgħarraf diversament minn dak Malti.

“Malta, minn meta ġiet imsieħba bħala membru stat fl-Unjoni Ewropea tista’ tgħid bdew id-diversi problemi ma’ wiċċna. L-istaġuni naqsu f’salt, naqsu l-ispeċi li stajna nikkaċċjaw u prattiċi bħall-insib għall-gamiema, summiena u għasafar tal-għana ġew kollha mhedda li wħud minnhom kienu waqfu instantament mad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea”, spjega Micallef.

Għaldaqstant il-Federazzjoni qiegħda taħdem biex kull sena tippreżenta proposti fuq livell xjentifiku biex meta tittieħed deċiżjoni, turi li dak li qed isir, qed isir b’mod sostenibbli. Fl-2009, il-konvenzjoni tas-sostenibbiltá fl-Ewropa, li saħansitra kien hemm qbil mill-akbar għaqdiet internazzjonali ambjentalisti, iddikjaraw pubblikament li l-benefiċċji li tħaddan l-prattika tal-kaċċa sostenibbli tista’ tkun għodda importanti għall-konservazzjoni ta’ madwarna

Tkellem ukoll dwar l-effetti tat-tibdil fil-klima. Il-migrazzjoni (il-passa) tal-għasafar inbidlet, u l-klima aktar sħuna qed tippermetti aktar għasafar jibqgħu fil-pajjiżi Nordiċi u ma jpassux. Dan flimkien ma’ problemi oħra bħall-agrikoltura intensiva, u tniġġiż ta’ dawl fost ħafna li jistgħu iwaqqfu jew ibiddlu r-rotta tal-migrazzjoni tal-għasafar.

Opinjonijiet differenti rigward jekk il-kaċċa u l-insib humiex moħqrija

Mistoqsi rigward jekk il-kaċċa u l-insib humiex moħqrija, Micallef qalilna li hemm opinjonijiet varji. Qalilna li huwa fiduċjuż ftit huma dawk li jifhmu kemm huma kapaċi japprezzaw in-natura, u fejn jidħlu l-annimali, żgur li kaċċaturi lill-klieb li jakkumpanjawhom kuljum waqt il-kaċċa, iħobbuhom bla qies.

“Żgur li l-istess nistgħu ngħidu għan-nassab, fejn dan kull għasfur li jkollu jorbtu ma’ qalbu u b’hekk jara li matul is-sena, l-għasafar tiegħu ma jkunu neqsin minn xejn, kemm kenn mill-elementi tan-natura, ikel, supplimenti u xorb frisk”, żied jgħid magħna.

Qalilna li ta’ min ifakkar li l-kaċċa u l-insib huma ċelebrazzjoni tal-eqdem prattika eżistenti għall-bniedem, it-teħid mis-selvaġġ b’mod sostenibbli li jgħin lill-ispeċi umana tevolvi għal dik li nafuha llum. Il-prattika tal-kaċċa bħas-sajd (fil-qedem, il-kelma ‘sajda’ kienet referenza għall-kaċċa), meta persuna tieħu mis-selvaġġ (mill-istat naturali) b’mod sostenibbli u etiku speċi li fl-aħħar mill-aħħar se tispiċċa għall-konsum.

Il-kaċċa u l-insib mhux il-qbid, imma rridu nħarsu wkoll lejha bħala esperjenza li twassal biex tkun parti mill-istil ta’ ħajja għal dak li jkun. Huwa qalilna li matul il-prattika tad-delizzji tagħhom huma jitwaħħdu man-natura u jaraw li l-ambjent li jkunu fih itejbuh kemm jista’ jkun. Din ir-responsabbiltá twassal biex dawn l-azzjonijiet ikunu jistgħu jsostnu biodiversitá aktar b’saħħitha li twassal tkun għall-benefiċċju li titgawda mill-poplu kollu.

“Aħna nieħdu ftit, imma nagħtu ħafna … u hu propju dan li wieħed għandu jara – l-istampa kollha biex jifhem b’mod xieraq u siewi dak li forsi huwa ftit diffiċli li kaċċatur u / jew nassab jista’ jsipjega bil-fomm. Illum f’diversi setturi qed naraw element ta’ estremiżmu mħaddan minn attivisti li ma iridux iħaddnu u jagħrfu bilanċ, imma jinsabu biss magħluqa fl-emozzjonijiet u ma jarawx l-element xjentifiku jew għarfien fuq firxa aktar wiesgħa”, kompla Micallef.

Il-Federazzjoni torganizza diversi attivitajiet matul is-sena

Bħala Federazzjoni, norganizzaw diversi attivitajiet matul is-sena, fosthom l-isparatura anwali li hija l-akbar tax-xorta tagħha fil-gżejjer tagħna, il-Wirja tal-Klieb tal-Kaċċa ta’ Malta u tal-Kelb tal-Fenek waqt l-Imnarja, diversi attivitiajiet ta’ tindif u konservazzjoni fl-ambjent ta madwarna, Field Trial tal-klieb b’livell internazzjonali, attivitajiet għat-tfal, tluq ta’ mijiet ta’ gamiem fis-selvaġġ li huma mnissla fil-magħluq, attivitajiet għall-familja li jirrigwardjaw il-mużew li għandna fir-razzett tal-bagħal ġewwa l-Buskett u l-Proġett tal-Barbaġann, tħawwil ta’ siġar mill-membri u l-pubbliku, atiivitajiet relatati mal-mixtla li għandna fejn qed ngħallmu lill-pubbliku kif jagħmel propogazzjoni ta’ siġar u arbuxelli indiġeni u l-importanza tagħhom.

Inħaddnu wkoll attivitajiet bħall-festi għall-familji fiż-żoni immaniġġjati mill-FKNK kemm il-Miżieb kif ukoll l-Aħrax tal-Mellieħa.

Bżonn ta’ iktar ftehim għall-ġid ta’ kulħadd

Huwa temm jisħaq dwar l-importanza li l-kaċċaturi, nassaba u konservazzjonisti kollha jiġbdu ħabel wieħed biex jinħoloq sens ta’ bilanċ, u b’hekk kulħadd ikun jista’ jgawdi d-delizzju tiegħu bla xkiel ta’ xejn.

“M’għandna naqtgħu qalbna qatt u nibqgħu uniti fi ħdan il-FKNK bħala familja waħda. Inwiegħed li sal-aħħar, lil hinn minn kull diffikultà li nsibu, se nibqgħu nkunu l-vuċi u t-tarka ta’ kull wieħed u waħda mill-membri tagħna”, temm jgħid Micallef.

Sport