Monday, November 18, 2024

Sentejn ħabs wara li nstab ħati li hedded diversi persuni fosthom pulizija

Aqra wkoll

Antoine Monsigneur ta’ 52 sena ngħata sentenza ta’ sentejn ħabs wara li nstab ħati li m’obdiex u hedded uffiċjal tal-pulizija, beda jidgħi fil-pubbliku kif ukoll hedded mara. Il-każ instema quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea.

Hu kien akkużat ukoll li sar riċediv, li kiser il-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti u li wettaq reat waqt li kien taħt sentenza ta’ provation.

Il-każ seħħ fis-27 ta’ April li għadda meta l-Pulizija kienu rċivew rapport li kien hemm xi ġlied fil-venda tal-Qawra. Meta marru fuq il-post il-Pulizija sabu li Antoine Monsigneur kien tela’ fuq tal-linja b’riħa ta’ xorb u kellu argument ma’ żewġ turisti. Hu kien argument ukoll max-xufier hekk kif talbu biex jinżel minn fuq tal-linja.

Meta ġie mitkellem mill-pulizija Monsigneur kien qallhom li wieħed mit-turisti kien aggredih. Il-pulizija kienu qalulu li seta’ jagħmel rapport u anke jġib ċertifikat mediku. Iżda l-akkużat kien qal lill-pulizija li hu ma kienx se jġib l-ebda ċertifikat iżda kien se jibgħat lit-turist Mater Dei biex jagħmlulu ċertifikat tat-tambur ta’ widnejh.

Siegħa wara dan il-każ hu reġa’ ġie arrestat fuq każ ieħor u kien sfida lill-pulizija għal ġlied. Hu kien hedded uffiċjal tal-pulizija li kien se jifqgħu b’ċintorin.

Fil-proċeduri tal-Qorti, il-Prosekuzzjoni qalet li siegħa wara li hu nħeles mill-arrest kien hemm argument ieħor bejn mara u raġel f’San Pawl il-Baħar. X’ħin waslu fuq il-post raw mara ħierġa minn supermarket tgħajjar għall-għajjut għax skont hi kienet għada kemm ġiet mhedda.

Il-Prosekuzzjoni qalet li l-pulizija li marru fuq il-post sabu lill-akkużat fis-supermarket u ħarġuh. Kien hawn li meta ġie mistoqsi x’ġara u beda jinsulenta lill-pulizija u għalhekk reġa’ ġie arrestat.

Il-Pulizija wara li nformawh li kien qiegħed jiġi arrestat Antoine Monsigneur reġa’ stieden lill-Pulizija għall-ġlied. Wara li ttieħed l-għassa, l-akkużat hedded pulizija li jekk jerġa’ jmissu kien se jagħtih daqqa ta’ ras f’wiċċu u qallu biex ineħħilu l-manetti biex ikun jista’ jagħti xeba’ u jifqgħu. L-akkużat kien qal lill-pulizija li jekk kien se jitniżżel fil-lock up kien se jdawwarlu ċinturin ma’ għanqu u jgħallqu.

Intant, il-mara li sfat mhedda fis-supermarket xehdet li kienet saret taf lill-akkużat xi erba’ snin qabel u kienu għamlu ftit jiem f’relazzjoni. Huma kienu reġgħu ltaqgħu xi tlett ijiem qabel seħħ il-każ u kienet hi li stidnietu għal drink fl-appartament tagħha.

Fix-xhieda tagħha, il-mara qalet li l-akkużat ried ikollu x’jaqsam magħha, iżda hi ma riditx. Hu kien qallha li se jġibha “black and blue bħall-uniformi tal-pulizija”. Dakinhar ukoll kien heddidha li kien se jitfagħha minn fuq għal isfel jekk ma jkollix x’taqsam miegħu.

Meta seħħ l-inċident hi kienet is-supermarket u l-akkużat mar ħdejjha. Kienet qaltlu li trid tmur id-dar waħedha għax kellha xi affarijiet x’tagħmel. Kien hawn li Antoine Monsigneur beda jidgħi, heddidha li jifqa’ l-ħġieġ tas-supermarket biha u anke ta daqqa ta’ ponn f’għonqha. Hi qalet li kienet waqgħet mal-art u x’ħin qamet sabet lin-nies iċemplu lill-pulizija.

Antoine Monsigneur għażel li jixhed f’dawn il-proċeduri fejn qal li hu kien f’relazzjoni mal-mara madwar seba’ snin ilu. Xehed li dak iż-żmien hija kienet tieħu d-droga fosthom il-kokaina u sid il-kera fejn kienet tgħix keċċijha ‘l barra. 

Qal li ftit qabel l-inċident kien reġa’ ltaqa’ magħha u kienu marru flimkien is-supermarket.

Xehed li hu kien qallha li kien se joħroġ jistennija barra, iżda hekk kif ħareġ sab lill-pulizija jistennewh. Hu ħaseb li kienu marru hemm minħabba rapport ta’ serq. Hu ċaħad li ta daqqa lil mara fis-supermarket u kien hu li ried jitlaq lejn id-dar waħdu.

Il-Qorti qalet li dan il-każ kien maqsum fuq tliet episodji. Il-Maġistrata qalet li minn filmati ta CCTV li hemm fis-supermarket iż-żewġ persuni jidhru jillatikaw, iżda fl-ebda ħin ma jidher jagħtiha daqqa kif qalet hi. Miċ-ċertifikati mediċi juru li weġġgħet ħafna u ma kellix marki ta’ xi daqqa ta’ ponn.

Iżda dwar l-akkuża li m’obdiex ordnijiet tal-pulizija dan kollu ħarġet ċar mill-bodycams li għandhom l-istess pulizija mal-uniformi.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li r-raġel minkejja li f’każi passati ngħata kull għajnuna xorta waħda baqa’ ma tgħallem xejn u baqa’ b’atteġġjament ta’ sfida, jinġurja u jhedded lill-Pulizija.

Il-Qorti sabitu ħati tal-akkużi kollha kontrih minbarra dik li weġġa’ lill-mara. Il-Qorti kkundannatu sena ħabs u multa ta’ €2,000. L-istess Qorti kkundannatu sena ħabs oħra b’rabta ma’ sentenza sospiża li kien ingħata f’Jannar ta’ dn is-sena. 

Il-Maġistrat ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur l-uffiċjali tal-pulizija nvoluti u l-mara għal tliet snin.

Ekonomija

Sport