Saturday, May 4, 2024

L-ekonomija Maltija kompliet tikber iżda b’ritmu inqas mgħaġġel

Aqra wkoll

L-ekonomija Maltija kompliet kibret bejn  April u Ġnju ta’ din is-sena għalkemm b’ritmu inqas mgħaġġel meta mqabbla mat-tliet xhur ta’ qabel. Fl-istess waqt irriżulta wkoll li d-domanda domestika kellha impatt newtrali fuq it-tkabbir fil-prodott domestiku gross (PDG), filwaqt li l-esportazzjoni kellha effett pożittiv. 

Fir-raba ħarġa tar-Rivista tiegħu ta’ kull tliet xhur dwar l-iżviluppi ekonomiċi fit-tieni kwart tal-2023, il-Bank Ċntrali ta’ Malta jindika li d-differenza fil-produzzjoni bejn dik reali u dik potenzjali baqgħet pożittiva, iżda naqset. Dan jindika wkoll li filwaqt li kien hemm użu żejjed tal-kapaċità produttiva tal-ekonomija, dan kompla jonqos. 

L-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju kien f’livell kemmxejn ogħla mill-medja storika tiegħu. L-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea baqa’ ogħla mill-medja storika. 

Dwar l-iżviluppi fis-suq tax-xogħol il-Bank jgħid li dawn baqgħu favorevoli filwaqt li l-pressjoni fuq iż-żieda fil-prezzijiet għall-konsumatur battiet xi ftit.

Dwar il-finanzi tal-gvern, il-Bank Ċntrali jgħid li l-proporzjon tad-defiċit tal-gvern ġenerali u l-proporzjon tad-dejn fil-prodott domestiku gross naqsu meta mqabbla mal-ewwel tliet xhur tal-2023. 

Fil-fatt, il-proporzjon tad-dejn fil-prodott domestiku gross ta’ Malta kien taħt il-medja taż-żona tal-euro, filwaqt li l-proporzjon tad-defiċit fil-PDG ta’ Malta kien f’livell ogħla. 

It-tkabbir fl-impjiegi f’Malta kien ogħla meta mqabbla mal-medja taż-żona tal-euro, filwaqt li r-rata tal-qgħad kienet aktar baxxa. Madankollu, l-inflazzjoni HICP kienet ogħla hekk kif l-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-enerġija kienet f’livell negattiv fiż-żona tal-euro. 

Fil-qafas Ewropew, fid-dawl tal-pressjonijiet inflazzjonarji persistenti, il-Bank Ċntrali Ewropew reġa’ għolla r-rati ewlenin tal-imgħax  f’Mejju u f’Ġnju.  

Sport