Sunday, December 22, 2024

Sentejn ħabs wara li seraq magna tas-sigaretti minn snack bar f’Ħ’Attard

Aqra wkoll

Raġel ta’ 42 sena kien ikkundannat 24 xahar priġunerija u mmultat €2,500 wara li nstab ħati li seraq magna tas-sigaretti minn snack bar f’Ħ’Attard.
Renald Barbara kien mixli li wettaq dan ir-reat fi Frar tal-2015. Huwa kien mixli wkoll li seraq magna tas-sigaretti oħra, flus u top up cards minn bazaar fil-Mosta u magna oħra tas-sigaretti minn kjosk fl-Imsida.

Mill-provi mressqa quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima rriżulta li waqt l-investigazzjoni tal-Pulizija fis-serqa minn snack bar f’Ħ’Attard kienet instabet marka taż-żarbun fuq banketta li kienet taqbel ma’ dik tal-imputat u kien għalhekk li nstab ħati ta’ din l-akkuża.

Huwa iżda ma nstabx ħati li seraq magna tas-sigaretti oħra fil-Mosta għax għalkemm din instabet f’dik li darba kien razzett tal-faqqiegħ li huwa kien jiffrekwenta, fuq il-magna ma kinux instabu marki tas-swaba tiegħu.

Barbara ma nstabx ħati lanqas li seraq għodod tal-biedja minn għelieqi f’Ħad-Dingli għax għalkemm instab id-DNA tiegħu fuq il-post ma nstabx fuq l-għodod. Huwa ma nstabx ħati lanqas li seraq magna tas-sigaretti minn kjosk fl-Imsida għax fuq il-magna ma nstabux lanqas marki tas-swaba.

Huwa iżda nstab ħati li offenda pulizija wara li dan xehed kif waqt li l-akkużat kien taħt arrest qallu kliem offensiv.

Kien għalhekk li l-Qorti filwaqt li sabitu ħati ta’ tliet akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu, ikkundannatu għal piena ta’ sentejn ħabs kif ukoll multa ta’ €2,500.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Joseph Mercieca.

Ekonomija

Sport