Monday, May 13, 2024

Eks priġuniera tgħid li persuna oħra kienet il-moħħ wara s-serqa fiż-Żurrieq

Aqra wkoll

Mara li isimha ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, xehdet li kienet priġuniera li ppjanat il-hold-up li seħħ fil-25 ta’ Awwissu li għadda fuq ħanut tad-deheb fiż-Żurrieq li fiha ġie msawwat sid il-ħanut, Joe Carabott.

Il-mara kienet qed tixhed fil-kumpilazzjoni kontra Donna Borg Sciberras ta’ 29 sena, Zuhair Hadoumi ta’ 26 sena u Mohamed Anas Boualam ta’ 37 sena, it-tnejn Marokkini, li jinsabu mixlijin li wettqu l-hold-up u li kkaġunaw ġrieħi serji lil Carabott li għandu 67 sena u huwa mill-Fgura.

Ix-xhud qalet li waqt li kienet il-ħabs fuq arrest preventiv semgħet li se jsir hold-up imma ma kinitx taf min kien se jwettqu għalkemm sostniet li l-moħħ wara dan il-hold-up kienet din il-mara.

Hija żiedet li din il-mara staqsiet lilha u lil Borg Sciberras kinux interessati fil-hold-up u ftit wara, it-tlieta li huma ħarġu mill-ħabs u reġgħu ltaqgħu ħdejn id-Detox fejn allegat li l-moħħ wara l-pjan talbithom jikru karozza.

F’ħin minnhom, il-Maġistrat Ian Farrugia, li qed jisma’ l-każ, wissa lix-xhud li kellha għid il-verità kollha inkella seta’ jżommha taħt arrest.

Ix-xhud żiedet li Borg Sciberras kienet bejn ħaltejn tieħux sehem fil-hold-up u meta staqsietha x’se tagħmel l-akkużata qaltilha li dik affari tagħha.

Hija qalet iżda li ma kinitx taf x’kellha f’moħħha. Meta mistoqsija biex tagħti aktar dettalji dwar is-serqa, ix-xhud qalet li “kont naf li (Donna) kienet se tagħmel dan, imma ma kontx naf ma’ min.” 

Ix-xhud tenniet li kienet il-priġuniera l-oħra li kienet il-moħħ wara s-serqa u tathom l-informazzjoni u anke l-pjan, b’Donna dehret li kienet interessata.

Imbagħad ix-xhud semmiet kif Donna baqgħet titlobha sabiex teħodha saż-Żurrieq. “Staqsietni xi erba’ jew ħames darbiet. Imma maridtx. Kienet tfakkarni kontinwament,” spjegat ix-xhud li semmiet kif l-aħħar darba li qaltilha kien xi ġimagħtejn u nofs qabel is-serqa.

Il-prosekuzzjoni f’din il-kawża qed titmexxa mill-Avukati Anthony Vella u Kaylie Bonett u l-Ispetturi Lydon Zammit u Stephen Gulia.

L-Avukati Mark Mifsud Cutajar, Brandon Muscat u Maria Karlsson qed jidhru għat-tliet imputati waqt li l-Avukat Stephen Tonna Lowell qed jidher għall-familja Carabott.

Sport