Tuesday, November 26, 2024

SENTEJN MILL-QTIL TA’ GEORGE FLOYD

Aqra wkoll

Għaddew sentejn. Sentejn li qed ifakkru anniversarju xokkanti. Il-qtil ta’ George Floyd  f’Minneapolis minn uffiċjal tal-Pulizija. Liema uffiċjal kien instab ħati bil-qtil. Dan hu anniversarju li ma tistax tħallih għaddej. Il-qtil ta’ Floyd kien wassal għal protesti kbar madwar id-dinja kollha.  Ma jistax jonqos li f’diversi pajjiżi se jitfakkar dan l-anniversarju.

Nemmnu li anke f’pajjiżna dan l-anniversarju ma nistgħux inħalluh għaddej.  Dan għax dak li għadda minnu Floyd kienu juri ir-razziżmu istituzzjonalizzat. Dan ir-razziżmu qiegħed ukoll f’pajjiżna u ftit li xejn nitkellmu dwaru. Razziżmu istituzzjonalizzat li ma jagħmel xejn ħlief li joħloq tbatija u inkonvenjent għal dawk li jesperjenzawh. 

Razziżmu li qiegħed hemm imma tant indera li kważi kważi ma naraw xejn ħażin fih. 

“Tersaq lejh għax iswed dak. Ma tafx xi jkollu. Tieħu xi marda.” Min jaf kemm smajniha din. 

Grupp ta’ Afrikani miġburin f’post. Isir rapport u tara l-Pulizija sejrin fuq il-post. Agħar minnhekk, jinġabru f’post biex filgħodu jinġabru biex imorru fuq il-lantijiet tax-xogħol imma għax dejqu lil xi ħadd jistennew f’post, għamilna l-barrikati biex ma jkunu jistgħu jistennew hemm.

Tkun l-isptar qed tistenna għal xi servizz u jiġu xi persuni Afrikani. Jibda it-tgergir. Qishom m’għandhomx huma ukoll dritt għas-saħħa mill-isptarijiet tagħna. Ikun hemm min jibda jsaqsi kif dawn qed jinqdew fl-isptar?  Ikunu mexjin fit-triq u jitwaqqfu minn uffiċjali tal-ordni u jistaqsuhom għad-dokumenti, fejn m’għandniex dubju dan jiġbed l-għajn ta’ nies oħra li jkunu fil-qrib. Ovvjament dan isir l-aktar mal-Afrikani.

Anki fil-qasam edukattiv, waqt li s-sistema edukattiva ma’ tagħmel ebda differenza ma’ persuni ta’ kulur, mal-aħbar li fi klassi partikolari se jkun hemm tfal ta’ immigranti Afrikani mill-ewwel toħloq ċertu allarmi fost ħafna ġenituri. Sfortunatament ukoll f’pajjiżna għad għandna min ibeżża’ bil-mard, li nsibuh f’pajjiżi Afrikani. Min jaf kemm smajnih il-kliem meta tkun f’xi bandli, ‘ejjew ‘l hawn għax dawk it-tfal ma tafx x’għandhom”, ovvjament b’riferenza għal tfal Afrikani.

Tmur f’xi post partikolari biex tixtri l-bżonnijiet u ssib Afrikan qed jixtri.  Spiss naraw li min jaqdieh, ma tantx jieħdu bil-ħlewwa. Anzi jieħdu bil-herra.  Per eżempju każ li rajnieh b’għajnejna. Nies jidħlu fil-basket, imma kif daħlet mara Afrikana, is-sid qalilha, il-basket ħallieh mal-counter. 

 Imbagħad f’sezzjonijiet oħra nuru l-immaġini tal-faqar u għal dan nuru nies jew tfal Afrikani. Qisu l-faqar hemm biss jeżisti.  Spiss ukoll, naraw li  nies li jittellgħu l-Qorti  akkużati b’xi każ u ssir enfasi kbira li dawn ikunu Afrikani. Ftit ilu kont qed f’uffiċċju u tara persuna Afrikana taħdem ma’ kollegi oħra. Jiġu n-nies jinqdew imma ħadd ma jsaqsi lill-persuna Afrikana imma lill-persuni bojod.  F’Tal-Linja, persuna Afrikana b’sit vojt ħdejh ikun l-aħħar li jimtela’. Fis-soċjetà tagħna b’mod regoli qegħdin inkomplu inwaħħlu tabelli ma’ dawn in-nies.

Imbagħad inħarsu lejn id-drittijiet li suppost għandhom xi wħud minn dawn fostna. Qed nitkellmu l-aktar fuq immigranti bla status. Dawn m’għandhomx drittijiet bħal ħaddieħor fejn jidħlu benefiċċji u l-pensjoni. M’għandhomx dawn in-nies ikollhom ukoll pensjoni adekwata, la qegħdin jaħdmu u jikkontribwixxu fis-soċjetà tagħna? M’għandux ikollhom id-dritt li jirreġistraw għax-xogħol bħal ma jagħmlu l-Maltin li jkunu bla xogħol. Dan hu razziżmu li rridu niġġieldu kontrieh. Din hi diskriminazzjoni li rridu nitrattawha.  Dan għandu jkun trattat mhux f’pajjiżna biss imma anki fuq livell Ewropew. Nemmu li ħadd m’għandu jgħaddi minn din it-tip ta’ diskriminazzjoni, ibbażata fuq il-kulur tal-ġilda 

Nemmnu li r-razziżmu istituzzjonalizzat hu aktar diffiċli biex titrattah. Qiegħed magħġun fis-soċjetà tagħna. Dan hu razziżmu sistematiku.  Razziżmu li hu parti minn norma. Ħafna nies lanqas biss tgħaddi minn moħħhom li dan hu razziżmu.  U waqt li għandna din is-sitwazzjoni, fis-soċjetà tagħna jibqgħu jinħolqu  diskriminazzjoni f’dik li hi ġustizzja, impjiegi, akkomodazzjoni soċjali, saħħa, edukazzjoni u oqsma oħra. 

Sport