Saturday, October 26, 2024

Żieda eżorbitanti fil-prezzijiet tal-fjuwil fis-Sri Lanka kawża tal-kriżi ekonomika

Aqra wkoll

Il-Gvern tas-Sri Lanka kien kostrett li jżid il-prezz tal-fjuwil u dan bil-għan li jikkumbatti l-kriżi ekonomika li qiegħda tolqot lil dan il-pajjiż. L-esperti iżda qalu li fl-immedjat din il-miżura se żżid l-inflazzjoni bil-qawwa.

Il-Ministru tal-Enerġija Kanchana Wijesekera permezz messaġġ fuq Twitter qal li l-prezz tal-petrol se jkun qiegħed jiżdied bejn 20 – 24% filwaqt li dak taż-diżil se jiżdied bejn 35 – 38%. Apparti hekk, il-limitu ta’ kemm wieħed jista’ juża fjuwil kuljum se jibqa’ fis-seħħ. Esperti qed jgħidu li din iż-żieda se tkun qiegħda tiġi rifezza wkoll fil-prezz tal-ikel. 

Fil-preżent is-Sri Lanka qiegħda tiffaċċja l-agħar kriżi ekonomika mill-1948 ’il hawn, fejn kawża ta’ nuqqas ta’ muniti barranin fir-riserva dan qiegħed iwassal għal nuqqas ta’ importazzjoni u b’hekk il-pajjiż qiegħed ikollu nuqqas kbir ta’ fjuwil u mediċina. Tant hi prekarja s-sitwazzjoni li l-gvern qiegħed ikollu jaqta’ l-provvista tad-dawl għar-residenti. 

Il-kriżi fil-pajjiż waslet minħabba numru ta’ fatturi ewlenin fosthom, il-pandemija tal-Covid-19 li wasslet għal nuqqas ta’ turisti, iż-żidiet fil-prezzijiet tal-fjuwil kif ukoll l-mużuri popolisti tal-gvern meta naqqas it-taxxa.

Sport