Monday, May 13, 2024

Sentejn ta’ avvanzi u riformi

Aqra wkoll

Fis-sentejn li għaddew, gvern immexxxi mill-Partit Laburista kien mill-ewwel li xammar il-kmiem u beda ħidma fuq diversi setturi sabiex ikun jista’ jwieżen lil kulħadd b’mod partikolari lil dawk li jifilħu l-inqas fis-soċjetà tagħna. Bdiet il-ħidma fuq sensiela ta’ riformi li wasslu għal avvanzi soċjali, politiċi u ekonomiċi. Il-libertajiet ċivili li qatt ma konna naħsbu li setgħu jitwettqu f’pajjiżna kienu prijorita.

Madankollu, irridu nirrikonoxxu li mhux kollox kien ward u żahar. Il-pajjiż ma kienx nieqes mill-isfidi li kellu jaffaċċja. Sfidi li wħud minnhom ħallew impatti xi ftit jew wisq negattivi, fosthom il-pandemija tal-Covid 19 u anke ż-żewġ gwerer, fl-Ukrajna u l-kunflitt fil-Lvant Nofsani.

Quddiem dawn l-isfidi kbar, l-Gvern ħa miżuri b’saħħithom u reżiljenti li kienu x’kienu ċ-ċirkostanzi, dejjem poġġa l-interess tal-pajjiż l-ewwel u qabel kollox. Għaraf ukoll kif idawwar l-isfidi f’opportunitajiet fl-istess waqt li kompla jgħin lill-familji u n-negozji anke f’dawn l-iktar mumenti iebsin. B’dan il-mod il-Gvern assigura li ħadd ma jaqa’ lura u nkomplu fit-triq tal-progress li qbadna matul is-snin ta’ qabel.

Rajna bosta kisbiet soċjali bħalma kienu ż-żieda ta’ kull sena fil-pensjonijiet, iż-żidiet fiċ-children’s allowance u għajnuniet u inċentivi oħra ntiżi sabiex aktar persuni jsiru sidien ta’ djarhom. Ma nistgħux ma nsemmux iż-żieda fil-paga minima bħalma ma nistgħux ma nsemmux l-iskema stabbilita’, li ġabet roħs u stabbilita’ ta’ 450 prodott minn 15-il kategorija differenti tal-ikel.

Kien hemm ukoll il-miżura taċ-childcare b’xejn, li kellha effett pożittiv ferm u li nkoraġġiet lil ħafna aktar nisa biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Quddiem dawn il-kisbiet kollha, ċivili u ekonomiċi, żgur li l-Maltin qed jgħixu ħajja aħjar milli kellhom qabel.

Il-Gvern qed ikompli jkun kredibbli fl-għajnuna li baqa’ jagħti mhux biss lill-familji imma anke lin-negozji, bis-sussidji fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils u ċ-ċereali fost oħrajn.

Għalhekk b’dak kollu li kompla għamel Gvern Laburista f’dawn l-aħħar sentejn, nemmnu li huwa garanzija għall-ġejjieni aħjar. Ġejieni li mhux biss jidher li huwa sabiħ imma li se jgawdu minnu l-faxex kollha tas-soċjetà biex kulħadd ikollu l-opportunità li jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu.

Sport