Friday, December 20, 2024

“Sentenza oxxena tal-qorti tal-poplu… nibqa’ nemmen lil Amber” 

Peppi Azzopardi dwar is-sentenza fil-kawża ta’ libell mirbuħa minn Johnny Depp

Aqra wkoll

Peppi Azzopardi jgħid li jibqa’ jemmen lil Amber Heard wara li din tilfet il-każ fil-Qorti kontra l-eks raġel tagħha Johnny Depp. 

“Nibqa’ nemmen lil Amber Heard”. Hekk bdiet il-post li kiteb Peppi Azzopardi fuq il-midja soċjali. Fil-kitba tiegħu qajjem xi punti għaliex jaħseb li Amber Heard kienet il-vittma u li l-verdett ma kienx ġust. Skont Peppi, is-seba’ ġurati li ntgħażlu biex jiddeċiedu min mill-koppja kellu raġun ma tagħmilx sens għaliex dawn m’għandhom l-ebda kwalifika fil-liġi. 

“Qishom jagħżlu lili biex niġġudika konkors tal-ballet. Qisu jkollok uġigħ ta’ ras u tmur tara x’għandek għand mekkanik”. Dawn kienu l-kummenti ta’ Peppi Azzopardi dwar is-seba’ ġurati li kienu qed jiġġudikaw fuq min minnhom kellu raġun. 

Huwa jkompla jsostni li l-ġurija ma kinitx qed tagħmel xogħolha u li saħansitra nġarret mill-opinjoni pubblika li għal dawn l-aħħar xhur kienet qed tissaportja lil Johnny Depp. Huwa qal li din kienet sentenza oxxena tal-qorti tal-poplu.

“Kienet sentenza ta’ miljuni ta’ nies li qabel beda l-ġuri kienu diġà ħammġu u ddemonizzaw lil Amber Heard. Biljuni ta’ posts kontra tagħha li ovvja kellhom l-effett fuq il-ġurati anke qabel beda l-ġuri”, kompla biex jikteb Azzopardi filwaqt li saħaq li dan il-każ qatt ma kellu jkun imxandar fuq it-televiżjoni u fuq il-midja.

Huwa għalaq il-kitba tiegħu billi rrefera għall-każ ta’ mara li ltaqa’ magħha li kienet qiegħda taħrab mis-sieħeb tagħha għax kien isawwatha bl-addoċċ u ħadd ma waqaf biex jismagħha. “Emmnuha meta qatilha”, temm jikteb filwaqt li appella għal iżjed kuxjenza dwar il-vjolenza domestika.

Ekonomija

Sport