Tuesday, December 24, 2024

Sentenza sospiża flok ħabs wara li temm b’suċċess programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga

Aqra wkoll

Joseph Rizzo ta’ 62 sena ġie meħlus minn sentenza ta’ ħabs effettiva wara li l-Qorti tal-Appell rat li l-każ akkużat bih kien seħħ 25 sena ilu u minn dak iż-żmien ir-raġel ħareġ mill-vizzju tad-droga. Hu kien akkużat bi traffikar tad-droga.

Kien f’Settembru tal-1998 meta Rizzo kien akkużat li kien qiegħed jitraffika u anke kellu fil-pussess tiegħu ammont ta’ kokaina. Hu kien akkużat ukoll bi traffikar ta’ ecstasy aggravat u li wettaq ir-reat sa 200 metru minn post fejn jiltaqgħu ż-żgħażagħ.

Kien f’Novembru tal-2020 meta l-Qorti kienet sabitu ħati ta’ traffikar u pussess tal-kokaina, iżda kien ġie illiberat mit-traffika tal-ecstasy. Hu kien ġie kkundannat sitt xhur ħabs u multa ta’ €2,000. Rizzo kien appella mis-sentenza.

Il-Prosekuzzjoni qalet li xhur qabel ma tressaq il-Qorti, il-pulizija kienu arrestaw lil James Muscat u Clifford Sultana. Dawn kienu nqabdu bid-droga u t-tnejn li huma kienu semmew lil Rizzo li kien tahielhom. Kien hawn li l-pulizija kienu marru jarrestaw lil Rizzo u akkużawh bi traffikat.

Il-Qorti semgħet liż-żewġt irġiel jixhdu kontra Rizzo fosthom semmew il-laqam tiegħu, il-pusher u l-karozza li kien qed isuq li kellha xi marki jiddistingwuha, fosthom reklam kbir.

L-Imħallef Neville Camilleri fis-sentenza tiegħu qal li għalkemm Sultana kien xehed li ma kienx qiegħed jagħraf lil Rizzo fl-awla, hu kien qiegħed jagħmel dan biex jipprova jipproteġih. Ġie osservat ukoll li mir-raport tal-psikologu, Rizzo kien beda jabbuża mid-droga minn meta kien għadu żgħir ħafna.Il-Bord tar-Rijabilitazzjoni mid-Droga qal li kien sodisfatt mill-progress ta’ Rizzo u li kien ikkonkluda b’suċċess il-programm.

Fis-sentenza l-Imħallaf Camilleri qal li minħabba dawn iċ-ċirkostanzi u anke li l-każ seħħ fl-1998, biddlet is-sentenza ta’ ħabs għal waħda ta’ sitt xhur ħabs sospiżi għal sentejn. Hija kkonfermat il-multa ta’ €2,000 li trid titħallas f’għaxar pagamenti.

Ekonomija

Sport