Sentenza sospiża għal mara li ffalsifikat il-firma ta’ sid il-kera fuq dokument tar-residenza

Aqra wkoll

Iż-żagħżugħa ta’ 22 sena ammettiet li ffirmat minflok sid il-kera wara li skadielha l-permess ta’ residenza u ttardjat biex tapplika għat-tiġdid tiegħu. Mara Nepaliża ta’ 22 sena ngħatat sentenza ta’ seba’ xhur ħabs sospiżi għal 18-il xahar wara li ammettiet li ffalsifikat il-firma ta’ sid il-kera fuq dokument marbut mal-applikazzjoni tagħha għall-permess ta’ residenza.

Anjana Kunwar, li tgħix San Pawl il-Baħar, tressqet il-Qorti wara li uffiċjali tal-aġenzija Identità nnutaw diskrepanza f’firma fuq dokument li kienet ippreżentat. Il-Qorti semgħet kif fit-8 ta’ Ottubru, il-Pulizija ġew infurmati mill-aġenzija Identità li mara kienet marret fl-uffiċini tagħha biex tivverifika l-istat tal-applikazzjoni għall-permess ta’ residenza.
Meta l-uffiċjali staqsewha dwar il-firma, il-mara spjegat li l-permess ta’ residenza tagħha kien skada u li kienet damet biex tissottometti l-applikazzjoni għat-tiġdid tiegħu.

Hija qalet li kienet ippruvat tagħmel kuntatt ma’ sid il-kera biex jiffirma d-dokument, iżda eventwalment iffirmatu hi minfloku. L-uffiċjali ta’ Identità għamlu kuntatt ma’ sid il-kera, li kkonferma li ma kienx iffirma d-dokument.
Il-Pulizija marru fuq il-post u aktar tard wara nofsinhar ħadu stqarrija mingħand il-mara, li fiha reġgħet ikkonfermat li kienet hi li għamlet il-firma.

Kunwar ammettiet il-ħtija tagħha u ġiet ikkundannata seba’ xhur ħabs sospiżi għal 18-il xahar. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Elton Buckingham, filwaqt li l-avukat Matthew Charles Zammit deher għad-difiża.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport