Sunday, December 22, 2024

Sentenza sospiża għal raġel li ta fastidju fit-tul lill-eks sieħba

Aqra wkoll

Mark Heath ta’ 54 sena, imwieled f’Chesterfield (ir-Renju Unit) u residenti l-Qawra, ġie kkundannat disa’ xhur ħabs sospiżi għal sentejn wara li nstab ħati illi għal xhur sħaħ iffastidja lill-eks sieħba tiegħu.

Huwa ġie mixli li fis-6 ta’ Frar tal-2022, kif ukoll fix-xhur u l-ġimgħat ta’ qabel beda jsus wara l-passi tal-eks sieħba tiegħu u li ta fastidju diversi drabi anki permezz tal-messaġġi li kien jibgħatilha minkejja li hi ma riditx tibqa’ f’kuntatt miegħu.

L-eks sieħba xehdet li kienet iltaqgħet mal-imputat f’Ġunju tal-2019 u li kienu daħlu f’relazzjoni tant li bdew jgħixu flimkien fl-appartament tagħha. Però, hija fissret li eventwalment wara ċertu ammont ta’ żmien waslu f’punt fejn ħasset li kellha twaqqaf din ir-relazzjoni ta’ bejniethom minħabba li, skont hi, is-sieħeb tagħha sar ossessjonat fuqha; kien qed jgħir ħafna għaliha u sar possessiv sal-punt li lanqas kien jafdaha tmur it-toilet waħidha għaliex kien jispiċċa jsegwiha.

Il-Qorti kompliet tisma’ kif l-eks sieħba madwar sena mindu temmet ir-relazzjoni reġgħet iltaqgħet mal-akkużat fit-triq u talabha tgħinu jimla formola. Filwaqt li aċċettat li tgħinu, hija għamlithielu ċara li ma jridx ikollha iżjed x’taqsam miegħu. Minn dakinhar ‘l hemm, huwa beda jsus passiha; tmur fejn tmur bdiet tilmħu quddiemha. Qalet li għalkemm talbitu diversi drabi biex iħalliha bi kwietha, huwa ma tax kasha u saħansitra anki kien jibgħatilha l-messaġġi fuq il-mowbajl. Hija qalet li f’Ottubru tal-2021 kienet blukkjat n-numru tiegħu. Apparentament huwa xorta kien baqa’ jibgħatilha l-messaġġi fejn saħansitra kien talabha tiltaqa’ miegħu, però min-naħa tagħha qalet li qatt ma weġbitu lura.

L-eks sieħba qalet ukoll li f’Diċembru tal-2021 kien marrilha fuq il-post tax-xogħol, ġibidha minn idha u qalilha li kellhom bżonn jitkellmu. Hija żied tgħid li għal xhur sħaħ beda jmur f’ħanut li jiġi bieb ma’ bieb fejn taħdem hi u joqgħod iħares lejha, u li f’okkażjoni separata kien anke mar iħabbtilha d-dar.

L-imputat xehed li r-relazzjoni tagħhom kienet intemmet f’April tal-2020. Għalkemm ammetta li kien jibgħatilha l-messaġġi fuq il-mowbajl, huwa qal li kien jagħmel dan għaliex hi kienet baqgħet iżżomm kuntatt miegħu. Huwa ċaħad li kien ikkonfrontaha fuq il-post tax-xogħol kif ukoll li kien mar iħabbtilha d-dar.

Il-Qorti tal-Maġistrati, ippreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, sabet lil Heath ħati u kkundannatu sentenza sospiża. Il-Qorti ordnat ukoll ordni ta’ trażżin għal perjodu ta’ sentejn bħala protezzjoni għall-vittma.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Audrey Micallef.

Ekonomija

Sport