Monday, July 14, 2025

Sentenza sospiża wara li baqa’ jsegwi mara diversi drabi

Aqra wkoll

Raġel ta’ 47 sena residenti Raħal Ġdid kien ikkundannat sena ħabs sospiżi għal sentejn wara li ammetta li segwa mara diversi drabi minkejja l-ordni li kellu biex ma jagħmilx dan. 

Huwa wieġeb ħati għall-akkużi li kiser xi projbizzjoni jew restrizzjoni imposta fuqu b’ordni tal-Qorti tal-Maġistrati u li wettaq reat waqt perjodu operattiv ta’ liberazzjoni kondizzjonata. 

Il-Prosekuzzjoni spjegat fil-Qorti ċ-ċirkostanzi li wasslu għall-arrest tal-imputat. Intqal li f’April li għadda kien tressaq fil-Qorti fuq segwiment u kien instab ħati u kien ikkundannat multa u ngħata l-libertà kkundizzjonata. 

Fl-10 ta’ Lulju, il-vittma kienet għamlet rapport ieħor fil-konfront tal-imputat fejn allegat li għal diversi drabi kien qed isegwiha. Surġent bagħat għalih fl-Għassa ta’ Raħal Ġdid u widdbu biex ma jibqax jagħmel dan iżda għal xi raġuni l-għada stess l-imputat reġa’ ntlemaħ fl-akwati tad-dar tagħha. 

Kien għalhekk li l-Ispettur Karen Cassar talbet li jinħareġ mandat u ġie arrestat is-Sibt li għadda. Huwa tressaq fil-Qorti l-Ħadd fejn ammetta l-akkużi kollha miġjuba fil-konfront tiegħu.

Filwaqt li sabitu ħati, il-Qorti kkundannatu sentenza sospiża filwaqt li ħarġet ordni ta’ trażżin għall-benefiċċju tal-vittma għal żmien sentejn. Il-Qorti wissiet lill-ħati biex ma jersaq lejn din il-mara bl-ebda mod. “Żomm ruħek ’il bogħod mill-inkwiet,” qallu l-Maġistrat Noel Bartolo. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Gabriel Kitcher u Karen Cassar.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport