Friday, November 22, 2024

Sentenza sospiża wara li nstab ħati li weġġa’ gravi raġel b’turnavit

Aqra wkoll

Salvatore Micallef ġie kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal 4 snin wara li nstab ħati li weġġa’ gravi raġel b’turnavit waqt argument f’Raħal ġdid.

Salvatore Micallef u ibnu Rennie kienu tressqu l-Qorti fejn ġew akkużati li f’Ottubru tal-2021 kisru l-paċi pubblika. Salvatore waħdu kien ġie akkużat li kkawża ġrieħi gravi lil raġel filwaqt li ibnu ġie akkużat li kkawża ħsara fil-karozza tal-vittma.

Għal dawn l-akkużi huma kienu wieġbu mhux ħatja.

Il-Prosekuzzjoni qalet quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech li mill-investigazzjonijiet li kienet saret il-vittma kien ħiereġ minn għalqa fi Triq Gajn Dwieli meta kien ra lil Salvatore jiżboħ b’żeba’ sewda double yellow lines. Meta l-vittma mar biex ikellem lil Micallef beda argument fejn l-akkużat kien tah daqqa ta’ turnavit f’għajnejh.

Salvatore Micallef kien qal lill-pulizija li kien l-vittma li mar idejqu u anke allega li kien beda jiġbed il-filmati bil-mobile. Hu kien qal li kien qiegħed jirranġa l-magna tal-karozza minħabba xi ħsarat biex ikun jista’ jeħodha għal VRT.

Skont dak li kien allega l-akkużat, il-vittma kien mar fuqu u sabbtu mal-ħajt u biex jiddefendi lilu nnifsu kien tah daqqa b’mazz ta’ ċwievet li dak il-ħin kellu f’idu.

Il-Prosekuzzjoni qalet li l-vittma u Salvatore kienu ilhom bl-argumenti għal diversi xhur u anke kienu diġà ġew fl-idejn.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li Micallef minkejja li kien qal li hu kien il-vittma qatt ma ġab provi ta dan u lanqas ġab provi li kien se jmur jagħmel it-test tal-VRT kien kif qal lill-pulizija. Il-Maġistrat qalet li ma tistax tifhem kif Micallef kien qiegħed jirranġa l-karozza tiegħu fix-xita meta seta’ għamel dan ix-xogħol meta tieqaf ix-xita. Il-Maġistrat qalet fis-sentenza tagħha li mhux minnu li Micallef kellu mazz ta’ ċwievet, iżda kellu turnavit.

Rigward Rennie – iben l-akkużat – il-Qorti qalet li ma tistax tifhem kif kien qiegħed jara lill-missieru jiġu aggredit u ma marx jagħmel rapport lill-Pulizija.

Kien għalhekk li l-Qorti emmnet dak li qal il-vittma u għalhekk sabet lil Micallef ħati tal-akkużi. Meta ġiet biex tagħti l-piena l-Qorti qieset li Micallef għandu kondotta nadifa u għalhekk ħasset li dwar il-każ għandha tagħti sentenza sospiża.

Il-Qorti sabet ukoll lil Rennie Micallef ħati tal-akkużi fejn ġie ordnat iħallas multa ta’ €500 u €867 biex isewwi l-ħsara kkawżata fuq il-vann tal-vittma.

L-Ispettur Darryl Farr mexxa l-Prosekuzzjoni.

Sport