Serb li kien fuq btala f’Malta wieġeb ħati li seraq minn żewġt iħwienet li jbigħu ħwejjeġ sportivi.
Stevan Stancic ta’ 43 sena kien akkużat b’reati ta’ serq li seħħew fis-26 ta’ Novembru u s-27 ta’ Diċembru.
Il-Qorti kienet infurmata li l-imputat, li ma kellux indirizz fiss f’pajjiżna, kellu jitlaq minn Malta l-Ġimgħa.
Il-Prosekuzzjoni kkonfermat li l-oġġetti kollha misruqa kienu ġew irkuprati u li l-imputat ikkopera fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija.
Fid-dawl tal-ammissjoni tiegħu, il-Qorti sabitu ħati u kkundannatu erba’ xhur ħabs sospiżi għal sentejn.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Clayton Camilleri mentri l-Avukat Josette Sultana dehret għal Stancic.