Sunday, December 29, 2024

Sentenza sospiża wara li tajjar anzjan u baqa’ sejjer f’Ħal Luqa

Aqra wkoll

Spanjol ta’ 27 sena kien ikkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li tressaq il-Qorti fejn ammetta li tajjar anzjan f’Ħal Luqa u baqa’ sejjer. 

Javier Presmanes Serrano kien akkużat li kkawża ġrieħi serji fuq l-anzjan u kkawża ħsarat f’żewġ vetturi oħra pparkjati. L-inċident seħħ it-Tlieta, għall-ħabta tal-5.15 a.m. fi Triq Censu Decandia.

L-Ispettur Antonello Magri spjega lill-Qorti kif ir-raġel kien identifikat u ġie arrestat wara li uffiċjali tal-pulizija sabu l-karozza tiegħu u għamlu kuntatt ma’ sidha – l-akkużat – li mbagħad mar min jedd għand il-pulizija. 

Serrano kien mixli wkoll li naqas milli jissotometti ruħu għal test tal-breathalyser fl-għassa, li rrifjuta milli jagħti d-dettalji tiegħu wara li kien involut f’inċident tat-traffiku. 

Huwa wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu u kkonferma l-ammissjoni wara li ngħata aktar żmien biex jaħsibha. 

Fis-sottomissjonijiet tiegħu dwar il-piena, l-Avukat Difensur sostna li l-inċident ma kienx ikkawżat minn traskuraġni u li l-klijent tiegħu kien ikkopera mal-pulizija.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Lara Lanfranco, sabitu ħati u kkundannatu sentenza sospiża flimkien ma’ multa ta’ €500. Ir-raġel kellu l-liċenzja sospiża għal sitt xhur.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Antonello Magri filwaqt li l-imputat kien assistit mill-Avukat Ishmael Psaila.

Ekonomija

Sport