Friday, November 15, 2024

Seraq martell u żewġ banjijiet … il-martell poġġieh għall-bejgħ fuq Facebook

Aqra wkoll

Mark Lorry Said ta’ 37 sena kien ikkundannat sena ħabs sospiżi għal sentejn mill-Maġistrat Simone Grech wara li nstab ħati li fis-26 ta’ Jannar tal-2020 kien seraq martell u żewġ banijiet mill-Għasri.

Said kien mixli mill-Ispettur Josef Gauci li fid-data msemmija, fil-ġranet jew ġimgħat ta’ qabel seraq għodda ta’ kostruzzjoni u anke xi tajers minn art fl-Għasri. Hu kien akkużat ukoll li żamm għandu oġġetti misruqin u li anke kiser ordni ta’ Qorti mgħotija lilu f’każ separat fl-2008.

Kien is-sid li rrapporta lill-pulizija t’Għawdex b’din is-serqa wara li kien sab diversi għodod neqsin. Kien is-sid ukoll li nduna li l-martell li kien insteraq mill-art tiegħu kien qiegħed għall-bejgħ fuq Facebook.

Sid l-art li safa misruq xehed fil-Qorti li jiem wara li kien sab l-oġġetti misruqin kien ġie avviċinat minn Said fejn qallu li ried jirranġa miegħu sakemm iwaqqa’ l-każ mal-pulizija. Hu kien qallu li kien lest jagħtih lura ż-żewġ banjijiet li kien ħadlu. Fil-fatt dawn kienu ġew irritornati.

Meta kien mitkellem mill-pulizija, Said ammetta mill-ewwel li kien mar flimkien ma’ persuna oħra jisirqu mill-Għasri. Hu kien qal li l-banjijiet kien żammhom f’bitħa li missieru għandu fin-Nadur filwaqt li martell kien ta lil xi ħadd biex ibigħu fuq il-midja soċjali.

Wara l-ammissjoni u anke l-provi mressqin mill-Prosekuzzjoni, il-Maġistrat Simone Grech sabet lil Said ħati ta’ din is-serqa u minbarra s-sena ħabs sospiża tat ordni ta’ trażżin għal sentjen biex b’hekk il-vittma jkollu l-protezzjoni.

Ekonomija

Sport