Wednesday, April 24, 2024

Laqgħa mal-istudenti atleti tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa ġewwa l-Junior College

Aqra wkoll

Meta ninsabu ġimgħa bogħod mic-Ċerimonja tal-Ftuħ tad-19-il Edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, f’Malta, issoktaw attivatijiet b’rabta ma dawn il-Logħob.

Iktar tard illum, kien imiss żjara lill-istudenti tal-Junior College fil-Kulleġġ Ġian Franġisk Abela l-Imsida. Bosta atleti li jattendu l-Junior College u se jipparteċipaw fil-Logħob kienu preżenti fejn ġew indirizzati minn Paul Xuereb, Prinċipal tal-Junior College u l-Prof Alfred Vella , Rettur tal-Università.  Fid-diskors tagħhom saret enfażi dwar ir-rwol tal-edukazzjoni fil-qafas tal-isport l-aktar meta l-istess atleti studenti jirrappreżentaw lil Malta.

Iċ-Ċarmen tal-Kumitat Organizzattiv Lokali tal-GSSE Mark Cutajar, esprima l-gratitudni tiegħu lill-President tal-Kumitat Olimpiku Malti Julian Pace Bonello li l-involviment tiegħu kien mimli l-enerġija u s-sigħat ta’ xogħol volontarju lejn dawn il-Logħob. Bl-istess mod faħħar l-isforz li għamel il-Kumitat Organizzattiv li kien impenjat mill-bidu nett sabiex jingħata l-aħjar appoġġ possibli lill-atleti.

“L-ambizzjonijiet tagħna huma kbar, aħna konvinti li bħala Team Malta l-atleti tagħna ser jipproduċu riżultati mill-aqwa. Nirringrazzja lilkom, lill-familji tagħkom, kowċis u federazzjonijiet, talli appoġġajtu l-vjaġġ tagħkom” irrimarka Mark Cutajar, iċ-Chairman tal-Kumitat Organizzattiv.

Messaġġ smili wkoll il-Ministru responsabbli mill-isport Clifton Grima li ndirizzaw lil dawk preżenti fosthom il-President tal-Kumitat Olimpiku Malti Julian Pace Bonello u uffiċjali oħra.

“Dan huwa avveniment tagħkom l-atleti u sportivi ta’ pajjiżna, aħna se nkunu warajkom u se niċċelebraw magħkom is-suċċessi tagħkom”. Hekk qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima lill-istudenti atleti li se jirrappreżentaw lil pajjiżna fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li se jibdew bħal lum ġimgħa. Il-Ministru Grima tkellem mal-istudenti dwar l-importanza li jaħdmu biex jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom, kemm dawk akkademiċi u wkoll f’dan il-kas, dawk sportivi. “Aħna qed ninvestu bis-sħiħ fikom, fl-edukazzjoni u fl-isport, għaliex irridu nagħtukom l-opportunitajiet kollha possibbli biex ngħinukom tiksbu dak li tridu għall-futur tagħkom. F’dawn il-logħob se nkunu warajkom, wara l-bandiera ta’ pajjiżna, għaliex mhux biss nemmnu fil-kapaċitajiet tagħkom, imma nafu li l-kapaċitajiet se jwasslukom għal aktar suċċessi”, qal il-Ministru Grima.

Attenda wkoll l-eks Segretarju Ġenerali tal-KOM Bertie Muscat li ippreżenta l-ktieb ‘Bertie Muscat – My Memoirs’, b’rabta wkoll ma’ d-19 l-Edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li magħhom Bertie Muscat kellu rabta diretta fit-tfassil ta’ struttura ta’Logħob kif nafuha llum.  Dan il-ktieb, li kien mħejji minn Maria Ciappara, jiġbor fiħ il-karriera ta’ persuna li jista’ jitqies bħala d-dekan tal-amminstrazzjoni tal-isport f’pajjiżna.  Il-ktieb sar bil-kollaborazzjoni tal-Olympic Solidarity.

Il-Logħob tal-Pajjiżi z-Żgħar tal-Ewropa ser jseħħu bejn id-29 ta’ Mejju u t-3 ta’ Ġunju. Id-dħul għall-kompetizzjonijiet huwa mingħajr ħlas. L-Iskeda tal-Logħob tista’ tara fuq https://gssemalta2023.mt/schedule/

Id-XIX Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa qed jiġu appoġġjati minn SportMalta, NDSF, Welbee’s Supermarket, National Lottery, MITA, General Soft Drinks, Visit Malta, European Olympic Committees, Go, Enemed, BOV, Transport Malta, Malta International Airport u The Concept Stadium.

Sport