Saturday, November 23, 2024

Seraq minn dar waqt li koppja kienet il-quddies

Aqra wkoll

Raġel ta’ 42 sena kien ikkundannat seba’ snin ħabs wara li nstab ħati li ikkommetta serqa minn dar f’Ħaż-Żabbar waqt li l-koppja li tgħix fiha kienet għall-quddies.

Christopher Scerri kien mixli li fis-6 ta’ Settembru 2009, flimkien ma’ Freddie Delia, seraq mid-dar ta’ Maria Teresa u Anthony Lia.

Huwa kien mixli wkoll li kiser tliet sentenzi li ngħata mill-Qorti tal-Maġistrati fl-2007 u fl-2008.

Il-kawża kienet diġa ġiet deċiża fl-2018, jiġifieri disa’ snin wara, fejn Scerri kien ikkundannat sentejn ħabs mentri Delia ngħata sentenza sospiża.

Is-sentenza madankollu tħassret mill-Qorti tal-Appell wara li ma ssemmewx l-artikli tal-liġi li fuqhom instabu ħatja bl-imsemmija qorti ordnat li l-każ jinstema mill-ġdid.

Iż-żewġ akkużati kellhom il-kawża separata bil-prosekuzzjoni u d-difiża ta’ Scerri qablu li l-Maġistrat Joe Mifsud ma kellux għaliex joqgħod jerġa’ jisma x-xhieda li kienu tressqu u għalhekk il-kawża ġiet deċiża fuq il-provi li kienu diġa tressqu quddiem l-ewwel maġistrat.

Minn dawn il-provi rriżulta li l-koppja kienet għall-quddies meta seħħet is-serqa, li min daħal ma sgassax il-bieb u li nsterqu madwar €10,000 fi flus u €4,000 f’ġojellerija.

Ix-xhud ewlieni f’dan il-każ kien Omar Pisani li dak iż-żmien kien f’relazzjoni mat-tifla tal-koppja. 

Huwa sostna li kien avviċinat mill-akkużat l-ieħor, Freddie Delia li mingħandu kien jixtri d-droga, biex jagħtih iċ-ċavetta tad-dar ħalli ssir is-serqa.

Pisani qal li huwa ltaqa’ ma’ Delia biex jagħtih iċ-ċavetta u preżenti kien hemm Scerri.

Il-Pulizija daħlitilha wkoll informazzjoni li s-serqa saret minn żewġt irġiel b’Mitsubishi Pajero u permezz ta’ filmat meħud inn CCTV camera ta’ ħanut juru vettura tal-istess mudell iddur il-kantuniera tad-dar u żewġt irġiel jidħu u joħorġu b’dik li dehret investa mimlija.

Mill-investigazzjoni rriżulta li l-vettura kienet ta’ Diane Scerri, mart l-akkużat, u dan ġie arrestat f’dar oħra fejn kien jorqod.

Dawn il-provi kienu biżżejjed għall-Maġistrat Mifsud biex isib lil Scerri ħati fejn ikkundannah sentejn ħabs dwar is-serqa.

Huwa ordna wkoll li jidħlu fis-seħħ il-piena ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin li kien ingħata fl-2007 u dik ta’ sena ħabs sospiża għal sentejn li ngħata fis-sena ta’ wara.

Il-Maġistrat Mifsud ikkundannah sentejn oħra ħabs talli kiser sentenza mogħtija fl-2007 fejn kien illiberat b’kundizzjoni.

Scerri għandu kawża oħra pendenti fejn qed jiġi mixli bl-involviment filf-qtil ta’ Alphonse Ferriggi, il-messaġġier tal-BOV li nqatel fit-18 ta’ Settembru 2000 quddiem il-fergħa ta’ San Ġwann.

Dwar dan il-qtil diġa qed jiskontaw piena ta’ ħabs Joseph Zammit u Richard Grech mentri r-raba’ akkużat, James Vella, ukoll għaddejjin proċeduri kontrih.

Sport