Tuesday, December 24, 2024

Serata ta’ premjijiet organizzata mill-Malta Employees Sports Association

Aqra wkoll

Saret is-serata annwali ta’ premjijiet organizzata mill-Malta Employees Sports Association fejn fiha ġew rikonoxxuti diversi atleti li spikkaw matul l-istaġun 2021/22 f’diversi dixxiplini li torganizza l-istess assoċjazzjoni matul is-sena. L-atleti kollha kienu qed jirrappreżentaw lid-dipartiment jew il-kumpanija ta’ fejn jaħdmu.

Tkellem il-Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta Mark Cutajar, fejn esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal impenn li l-assoċjazzjoni wriet matul is-snin biex b’hekk il-parteċipazzjoni ta’ aktar atleti minn dipartimenti jew kumpaniji differenti li jagħmlu l-isport tkompli tiżdied.

Iċ-Chairman ta’ Sport Malta Dr. Andrew Decelis sostna l-importanza tal-attività fiżika fil-ħajja tal-bniedem speċjalment fuq il-post tax-xogħol.

Matul is-serata tkellem il-President tal-Malta Employees Sports Association Mark Marlow fejn saħaq ix-xogħol li sar matul dawn l-aħħar snin sabiex il-MESA tkun qed tilħaq lil kulħadd. Hu żied jgħid li l-Assoċjazzjoni qed taħdem bi sħiħ sabiex tkun kompletament inklussiva mingħajr diskriminazzjoni lejn ħadd għax wara kollox dak huwa l-għan primarju ta’ din l-assoċjazzjoni.

Fost il-premjijiet, ingħataw żewġ awards speċjali lil Ridha Iben Moussa – atleta ‘l fuq minn 70sena li bid-determinazzjoni, passjoni u dedikazzjoni għadu jikkompeti u jtellaq fl-attivitajiet li torganizza l-MESA.

Ġiet preżentata wkoll tifkira kommemorattiva lil ex segretarju Mario Saliba għas-servizz u l-kontribut tiegħu dawn l-aħħar 44 sena fl-assoċjazzjoni.

Attendew għal din is-serata diversi diretturi u kapijiet ta’ dipartimenti tal-gvern kif ukoll tal-privat li kienu ta’ spalla għal diversi atleti li lilhom kienu qed jirrappreżentaw.

L-istaġun tal-MESA jkompli fil-jiem li ġejjin.

Ekonomija

Sport