Saturday, December 21, 2024

Serb arrestat wara li nstab ikabbar 150 pjanta kannabis f’residenza fil-Mellieħa

F'każ separat Rumen ġie arrestat wara li nstab li kellu 15-il Kilo Kokaina fil-vann

Aqra wkoll

Matul il-jum tal-Ġimgħa żewġ persuni ġew arrestati f’żewġ operazzjonijiet separati b’rabta ma’ pussess, traffikar u kultivazzjoni ta’ droga.

Rumen ta’ 37 sena ġie arrestat wara li fil-pussess tiegħu nstabu 15-il kilo suspettata kokaina, destinata għas-suq lokali, bil-valur ilaħħaq madwar €2 miljun. Is-sejba saret wara li l-Pulizija identifikat vettura, Volkswagen Touareg, li kienet għadha kif waslet Malta bil-katamaran minn Sqallija u li allegatament kienet qiegħda ġġor pakketti bil-kokakina.

Wara tfittxija li saret filvettura, is-suspett kien ikkonfermat, fejn moħbija f’kompartamenti foloz il-Pulizija sabet 15-il pakkett bid-droga.

F’operazzjoni oħra, din id-darba fil-Mellieħa, raġel ta’ 36 sena mis-Serbja ġie arrestat b’rabta ma’ investigazzjoni relatata ma’ kultivazzjoni tal-kannabis f’residenza li nbidlet f’post biex titkabbar il-kannabis.

Wara osservazzjoni, il-Pulizija daħlu fir-residenza u fiha instabu aktar minn 150 pjanta mdaqqsin tal-kannabis, bl-intenzzjoni li d-droga, li tiġi tammonta għal madwar 80 kilo, meta tkun imnixxfa, tinbiegħ fis-suq lokali.

B’rabta maż-żewġ każijiet infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrati Dr Donatella Frendo Dimech LL.D u Dr Monica Vella rispettivament, li min-naħa tagħhom ħatru diversi esperti.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija fiż-żewġ każijiet għadhom għaddejjin.

Ekonomija

Sport