Friday, November 15, 2024

Serb jinżamm arrestat wara li aggredixxa ħaddiem f’bar

Aqra wkoll

Sasa Cvetkovic, Serb ta’ 46 sena, iżda li fil-Qorti qal li jgħix l-Imsida baqa’ jinżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati li aggredixxa manager ta’ bar fi Spinola x-xahar li għadda.

Is-Serb ġie arrestat wara li l-pulizija analizzaw filmati ta’ CCTV hekk kif it-12 ta’ Mejju li għadda kien irrapportat inċident. Hu ġie mixli li li weġġa’ gravi lill-maniġer tal-bar u li kiser il-paċi pubblika.

Skont il-provi mressaq il-Qorti, dakinhar li seħħ l-inċident is-Serb allegatament kellu argument ma’ raġel Malti li imbgħad wassal biex jeskala f’bar f’San Ġiljan.

Il-Prosekuzzjoni qalet li wara li kien ikkalma, grupp ta’ rġiel daħlu fil-bar fejn talbu lill-maniġer biex joħroġ barra magħhom ħalli jkellmuh. Kien hawn li l-vittma safa aggredit u ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi fix-xedaq u fi snienu.

Jirriżulta li l-allegat aggressuri ħarbu minn fuq il-post, iżda hekk kif bdiet l-investigazzjoni ġie stabbilit permezz ta’ data tal-mowbajl li l-akkużat kien fuq il-post fil-ħin li seħħ l-allegat reat.

L-avukat Noel Bianco f’isem l-akkużat talab għall–ħelsien mill-arrest iżda l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba l-gravità tal-każ, in-nuqqas ta’ rabta li għandu ma’ Malta u li għad hemm nies li jridu jixhdu.

Il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.

L-avukat Charles Mercieca deher għall-parte civile u l-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Ispettur Keith Xerri.

Ekonomija

Sport