Sunday, November 24, 2024

Sergio Ramos jirtira mix-xena internazzjonali

Aqra wkoll

L-Ispanjol, Sergio Ramos, ħabbar li rtira mix-xena internazzjonali wara li sar jaf li mhuwiex aktar fil-pjani tal-coach nazzjonali, Luis de la Fuente.

Id-difensur ta’ Paris Saint-Germain, ta’ 36 sena, għen lil pajjiżu jirbaħ il-Kampjonat Ewropew kif ukoll it-Tazza tad-Dinja.

Huwa lagħab 180 darba għal Spanja. 

Ramos ħa din id-deċiżjoni wara li kellu konversazzjoni telefonika ma’ De La Fuente, li ħa post Luis Enrique, fejn qallu li jrid jintroduċi players ġodda tal-futur. 

Fi stqarrija emozzjonali fuq Instagram huwa kiteb: “Wasal iż-żmien li nagħti l-addio lit-team nazzjonali. 

“Dan wara li rċevejt telefonata mill-coach attwali li qalli li ma ninsabx aktar fil-pjani tiegħu, irrispettivament mil-livell li nista’ nuri jew kif inkompli l-karriera sportiva tiegħi.

“B’dispjaċir kbir irrid ngħid li vjaġġ tiegħi mat-team nazzjonali wasal fi tmiemu. Kont qed nittama li dan jintemm fuq nota pożittiv wara s-servizz fit-tul li tajt lill-flokk Aħmar. 

“Bl-umiltà kollha nemmen iżda li kull bidu fih it-tmiem u forsi l-prestazzjonijiet tiegħi ma kienux qed jogħġbu lill-coach … iżda żgur li mhux minħabba l-etá jew raġunijiet oħra. 

“Għaliex li tkun żagħżugħ jew inqas żagħżugħ mhix virtù jew difett, hija biss karatteristika temporanja li mhix neċessarjament relatata mal-prestazzjoni jew mal-ħila. Inħares b’ammirazzjoni u għira lejn Luka Modric, Lionel Messi, Pepe … l-essenza, it-tradizzjoni, il-valuri, il-meritokrazija u l-ġustizzja fil-football.

“Sfortunatament mhux se jkun hekk għalija, għax il-football mhux dejjem ikun ġust u l-football qatt mhu biss football.”

Sport