Barcelona xeħtu ħarsithom fuq l-akkwist potenzjali tad-difensur xellugi ta’ Tottenham Hotspur, Sergio Reguilon, li dan l-aħħar kien limitat fl-azzjoni.
Il-player ta’ 25 sena qed jitteħidlu postu minn Ryan Sessegnon ma’ Spurs, u jista’ jitħabat biex isib triqtu lura fit-team immexxi minn Antonio Conte għall-kumplament tal-istaġun wara li injury impedietu milli jkun fl-azzjoni mix-xahar li għadda ‘l hawn.
Reguilon ingħaqad ma’ Spurs mingħand Real Madrid fl-2020, u għandu klawsola ta’ release ta’ £27.5 miljun biex jirritorna fil-Bernabeu.
Huwa mifhum li Barcelona se jkunu fis-suq għal difensur xellugi ġdid dan is-sajf, wara li kienu wkoll marbuta ma’ Marcos Alonso ta’ Chelsea, iżda żgur li dik il-pożizzjoni fit-team ta’ Xavi tinsab hemm għat-teħid ta’ akkwist ġdid.
Reguilon jinsab fuq kuntratt fit-tul fit-Tottenham Hotspur Stadium, bil-ftehim attwali tiegħu jorbtu mal-club sal-2025, li potenzjalment jgħolli l-valur tal-player internazzjonali Spanjol.
Minn mindu ngħaqad ma’ Spurs, Reguilon skorja żewġ goals u pprovda disa’ assists f’67 dehra għall-club.