Sunday, November 24, 2024

Serħan il-moħħ għall-pazjenti Maltin … Mediċini msemmija mill-PN qegħdin in stock għand is-CPSU

Aqra wkoll

 
B’referenza għall-istqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista dwar in-nuqqas ta’ provvista ta’ xi mediċini fil-pajjiż, il-Ministeru għas-Saħħa jiċċara li s-sitwazzjoni hija taħt kontroll, tant illi mediċini msemmija mill-PN qegħdin fil-fatt in stock għand is-CPSU. 
 
Il-Ministeru jinnota li filwaqt li n-nuqqas fil-provvista ta’ diversi mediċini qed tinħass fuq livell internazzjonali, b’skarsezza ta’ diversi mediċini reġistrati f’dawn il-ġranet f’25 minn 27 pajjiż fl-Unjoni Ewropea, l-Awtoritajiet għas-Saħħa Maltin qegħdin jaħdmu sabiex jassiguraw il-konsenji adegwati tal-mediċini għall-pazjenti Maltin u Għawdxin. 
 
Għaldaqstant, il-Ministeru għas-Saħħa qiegħed iserraħ moħħ il-pazjenti li jagħmlu użu mill-Aspart, Galvus, Latanoprost, Creon u l-Goserelin Injection, (imsemmija fl-istqarrija tal-PN) li s-Central Procurement and Supplies Unit (CPSU) irċieva l-konsenji neċessarji u li dawn qed jitqassmu fl-ispiżeriji tal-POYC madwar Malta u Għawdex matul din il-ġimgħa. Fir-rigward tal-antibijotiċi, is-CPSU qiegħda tassigura l-provvista ta’ dawn il-mediċini, jew l-ekwivalenti tagħhom, ukoll. 
 
Fl-aħħar ġimgħat il-Ministeru għas-Saħħa żamm numru ta’ laqgħat mal-Kummissjoni Ewropea dwar id-diffikultajiet fil-provvista tal-mediċini madwar l-Ewropa sabiex jiżgura li pajjiżna jkollu aċċess ugwali għall-mediċini daqs l-istati membri l-kbar tal-Unjoni Ewropea. 
 
Il-Ministeru għas-Saħħa, filwaqt li jirringrazzja l-isforzi kontinwi tac-CPSU sabiex isostnu l-bżonnijiet tal-pazjenti Maltin, jikkundanna stqarrijiet partiġġjani li joħolqu allarm bla bżonn fost il-pazjenti.

Sport