Wednesday, April 24, 2024

SERĦAN IL-MOĦĦ

Josianne Cutajar
Josianne Cutajar
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Forsi Malta ma tantx huwa komuni li wieħed jiltaqa’ ma’ nies li ma jifilħux iħallsu l-kontijiet tad-dawl. Grazzi għall-amministrazzjoni Laburista rajna li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma raħsu b’25% meta mqabbel ma’ qabel l-2013. Fl-aħħar jiem smajna wkoll lill-Prim Ministru Robert Abela jitkellem diversi drabi fuq is-sitwazzjoni tal-prezzijiet tal-enerġija; “Il-Maltin jafu li fl-aħħar snin żammejna l-orħos kontijiet, ferm orħos minn dawk f’pajjiżi oħra u meta ġie mument ta’ diffikulta fl-eqqel tal-ewwel mewġa tal-pandemija raħħasna l-prezz tal-fuel.” Dan minnu nnifsu wassal biex jitneħħew piżijiet kbar minn fuq il-familji u n-negozji Għawdxin u Maltin.

Il-prezzijiet tal-enerġija kienu propju fuq nett tal-aġenda f’laqgħat li kelli aktar kmieni dan ix-xahar fil-Ljubiljana, Slovenja. Hemmhekk irrappreżentajt lis-Soċjalisti f’delegazzjoni tal-Kumitat tal-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija waqt żjara lill-Aġenzija Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija, ACER. 

Intant, is-settur tal-enerġija bħalissa jinsab fuq fomm kulħadd primarjament għaż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija li qed naraw globalment u wkoll għall-fatt illi l-Unjoni Ewropea qiegħda tpoġġi miri ambizzjużi fejn jidħol il-qasam tal-enerġija fl-isfond tal-Patt Aħdar u l-Pakkett ta’ Liġijiet imsejjaħ “Fitfor55” li bħalissa qegħdin niddiskutu fi ħdan il-Parlament Ewropew. 

Fil-laqgħat li kelli fis-Slovenja, kif ukoll fid-dibattiti parlamentari qed ninsisti fuq il-prinċipju illi kemm fejn jidħlu sitwazzjonijiet ta’ ċaqliq fis-suq u żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija, bħal m’aħna qed nesperjenzaw bħalissa, kif ukoll fil-qalba ambjentali li rridu nagħmlu, il-prezz m’għandhomx iħallsuh iċ-ċittadini vulnerabbli u dawk li għandhom ċirkostanzi uniċi għax jinsabu f’postijiet remoti jew fil-periferija. 

Jekk xejn għandna naraw li s-soluzzjonijiet tal-futur, ma joħolqux problemi ġodda – u kemm jista’ jkun isolvu dawk eżistenti. Tajjeb illi niftakru li l-faqar fl-enerġija (energy poverty) kien diġà magħna qabel il-pandemija u qabel dan iż-żmien ta’ sfida fis-suq tal-enerġija. Dan it-tip ta’ faqar ifisser propju li per eżempju persuni li ġejjin minn żoni barra minn xtutna fejn tagħmel ħafna kesħa, u fejn ir-residenti bilfors iridu jsaħħnu djarhom, ma jkunux jifilħu jagħmlu dan. Inkella bit-temperaturi aktar għoljin mis-soltu f’ċertu pajjiżi, ir-residenti ma jaffordjawx li jkessħu djarhom permezz tal-arja ikkundizzjonata. Dan hu qasam li flimkien ma’ kollegi oħra mill-Kumitat ITRE, ilni sa mill-bidu nett li ġejt eletta naħdem fuqu fil-Parlament Ewropew. Intant, statistika mill-2019 turi li 30 miljun ċittadin Ewropew kienu qed isofru mill-faqar fl-enerġija; sfida li rridu naraw li nindirizzaw.

Bħalma għidt fil-Parlament Ewropew, nemmen bis-sħiħ li l-enerġija rinovabbli, li hija aktar nadifa mhux biss aktar miż-żejt imma anke mill-gass, għandha tkun parti mis-soluzzjonijiet tagħna. Dan dejjem jekk naraw li nindirizzaw ukoll l-aspett tas-sigurta’ tal-enerġija u l-infrastruttura neċessarja biex niġġeneraw, nimpurtaw jew naħżnu l-enerġija.  Permezz ta’ enerġija rinovabbli bħal dik solari li tiġi maħżuna f’batteriji apposta, flimkien ma’ impjanti oħrajn li jniġġsu inqas, per eżempju, jista’ jkollok diversifikazzjoni li toffri aktar reżiljenza.

Dawn huma sfidi – imma anke opportunitajiet – li għandna quddiemna anke fl-isfond tal-qalba ambjentali li rridu nagħmlu. Din il-qalba se jkollha l-prezz tagħha, però kif sħaqt f’dibattitu mal-Kummissjoni Ewropea riċenti fil-plenarja, dan il-prezz ma jistgħux iġorruh dawk l-aktar vulnerabbli. 

Xogħolna huwa li naraw li l-qalba mill-enerġija li tħammeġ għall-enerġija rinovabbli u aktar nadifa, lin-nies li verament għandhom bżonn, tagħmlilhom ħajjithom aktar faċli, u mhux tkompli tgħaddashom jekk diġà qed isibuha diffiċli li jibqgħu fil-wiċċ. Irridu naraw ukoll li fis-soluzzjonijiet u t-triq ’il quddiem, tingħata aktar flessibilità speċjalment ma’ pajjiżi bħal Malta b’ċirkostanzi uniċi minħabba ċ-ċokon u l-ġeografija tagħna.

Hawnhekk ma nistax ma nilqax dak li qal il-Prim Ministru, kemm fuq il-qagħda speċifika ta’ Malta kif ukoll li ż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija m’għandux iġorrhom il-konsumatur qisu xejn mhu xejn. Wara kollox, dak li jagħmel Gvern b’ruħ soċjali: Gvern li jkun għaqli fl-għażliet tiegħu ħalli ma jitfax il-piż fuq in-nies. X’differenza minn dak li kien jagħmel ħaddieħor, meta fl-eqqel tal-kriżijiet għażel li jieħu l-aktar triq faċli u kompla jitfa’ piżijiet kbar fuq in-nies!Filwaqt li rridu nassiguraw li ħadd ma’ jaqa’ lura, irridu nkomplu bil-miżuri u l-investimenti neċessarji sabiex nilħqu l-miri ambjentali li għandna quddiemna. 78% taċ-ċittadini Ewropej u 86% taċ-ċittadini Maltin iqisu t-tibdil fil-klima bħala problema serja ħafna, kif fil-fatt hi. L-ambjent għandu jibqa’ fuq nett tal-aġenda ħalli nassiguraw futur sostennibli għal uliedna fl-Ewropa u f’pajjiżna.

www.josiannecutajar.com

Sport