Atalanta fallew iċ-ċans li jitilgħu fil-quċċata tal-klassifika tal-Kampjonat Taljan meta ġew miżmuma f’darhom minn Cremonese bl-iskor ta’ 1-1.
Atalanta v Cremonese – Kontra kull mistenni Atalanta fallew żewġ punti importanti meta laqgħu lil Cremonese u setgħu biss jispiċċaw fi draw ta’ 1-1 biex naqsu li jaqbżu waħedhom fl-ewwel post.
Kien Merih Demiral (74) li fetaħ l-iskor għall-Bergamaschi iżda Emanuele Valeri (78) kiseb id-draw għal Cremonese.
Bologna v Fiorentina – Bologna għelbu lil Fiorentina bl-iskor ta’ 2-1 biż-żewġ goals jaslu minn Musa Barrow (59) u Marko Arnautovic (62) wara li Lucas Martinez (54) fetaħ l-iskor għal Viola.
Lecce v Monza – Monza kisbu l-ewwel punt fl-ogħla diviżjoni fl-istorja tal-club meta marru għand Lecce u temmew fi draw ta’ 1-1. Kien Stefano Sensi (35) li fetaħ l-iskor għal Monza iżda Joan Gonzalez (48) kiseb id-draw għal Lecce.
Sassuolo v Udinese – Barra minn darhom, Udinese kisbu rebħa drammatika meta għelbu lil Sassuolo 3-1, bl-iskorers ikunu Beto (75, 93) u Lazar Samardzic (91). Kien Davide Frattesi (33) li fetaħ l-iskor għal Sassuolo li kellhom lil Ruan (43) imkeċċi għal karta ħamra diretta.