Fis-Serie A, Gleison Bremer ikkanċella goal ta’ Romelu Lukaku f’partita spettakolari b’bosta ċansijiet bejn Roma u Juventus liema partita ntemmew fi draw ta’ 1-1.
Kien konfront bejn żewġ timijiet li qed jissieltu għal post fil-UEFA Champions League. Filwaqt li Juventus jinsabu fit-tielet post u rebħa kienet taċċertalhom dan il-post, Roma jinsabu fil-ħames post u t-taqtiegħa tagħhom issa hija kontra Bologna li jinsabu fir-raba’ post.
Roma fetħu l-iskor fil-15-il minuta meta x-xutt ta’ Paulo Dybala ġie salva parzjalment fuq il-linja fatali minn Federico Gatti iżda Romelu Lukaku kien fil-post it-tajjeb biex xeħet fix-xibka.
Iżda fil-31 minuta, Juventus kisbu d-draw meta minn azzjoni ta’ corner il-ballun kien ikklerjat qasir biex Bremer approfitta u b’daqqa ta’ ras tefa’ ġewwa.