Meta llum jingħata bidu għat-22 ġurnata tal-kampjonat Taljan, l-aktar partita li tispikka tkun dik bejn Atalanta u Inter liema partita hija miftuħa għal kull riżultat.
Bla dubju, dan huwa konfront diffiċli għan-Nerazzurri li se jmorru għand team li qed jokkupa r-raba’ post u qed jiġġieled biex jispiċċa mal-ewwel erbgħa.
Peró Inter għandhom il-moral għoli hekk kif ġejjin mir-rebħ tas-Super Cup fuq Juventus bl-iskor ta’ 2-1 liema finali ġiet deċiża fil-ħin barrani.
Milan, li jinsabu fit-tieni post tal-klassifika, jospitaw lil Spezia fejn m’għandhomx ifallu u mistennija jiksbu t-tliet punti filwaqt li huma jisperaw minn żelqa mill-”kuġini” tal-istess belt f’Bergamo!
Napoli jmorru jilagħbu għand Bologna fejn xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom minħabba li mhumiex għaddejjin minn perjodu tajjeb, tant, li mill-aħħar ħames logħbiet huma kisbu biss erba’ punti.
Barra minn hekk, il-Ħamis li għadda huma sfaw eliminati mill-Coppa Italia meta f’darhom sfaw megħluba 5-2 minn Fiorentina.
Juventus jilqgħu lil Udinese fejn iridu jinsew id-diżappunt tat-telfa tas-Super Cup Taljana. Fl-istess waqt ir-rimonta li għamlu fir-rebħa 4-3 kontra Roma fi tmiem il-ġimgħa li għadda, għandha tagħtihom kuraġġ biex jibqgħu jikkonċentraw fuq il-kampjonat biex finalment itemmu fl-ewwel erba’ postijiet.
Iżda Udinese huma ka–paċi joffru sfida denja u jħarsu lejn xi sorpriża.