Wednesday, March 27, 2024

Studenti minn 8 skejjel jipparteċipaw fi proġetti għall-konservazzjoni tal-ilma

Aqra wkoll

Studenti minn 8 skejjel differenti qed jieħdu sehem fir-raba’ edizzjoni tal-proġett LIFE, bil-għan li jinħolqu proġetti tal-konservazzjoni tal-ilma fl-iskejjel. Waqt attività li fiha l-istudenti ppreżentaw l-ideat tagħhom, il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli spjegat kif qed jiġu allokati €10,000 biex l-istudenti jkunu jistgħu jwettqu l-proġett tagħhom.

Dawn il-proġetti huma possibbli permezz ta’ inizjattivi mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, li tul is-sena tkun għaddejja b’bosta attivitajiet għall-istudenti miċ-Ċentru Għajn. Dan iċ-ċentru joffri diversi logħob interattiv bil-għan li titqajjem kuxjenza u ssir promozzjoni fuq il-konservazzjoni tal-ilma u l-użu effiċjenti tal-enerġija.

Kumplimentari għal dan il-logħob interattiv, l-EWA ħarġet kotba oriġinali bil-Malti biex jiżdied l-għarfien fuq l-effiċjenza u s-sostenibbilità tar-riżorsi naturali.

Il-Ministru Miriam Dalli faħħret il-ħidma tal-EWA f’dan il-qasam, speċjalment għall-inizjattivi biex jintlaħqu studenti ta’ kull età. “Li nżidu l-għarfien dwar l-użu effiċjenti tal-enerġija huwa importanti biex ġenerazzjonijiet futuri jitgħallmu jagħmlu għażliet konxji b’inqas impatt ambjentali,” qalet il-Ministru Dalli.

L-għan tal-proġetti dwar il-konservazzjoni tal-ilma għal din is-sena skolastika hija dwar il-ħażna tal-ilma tax-xita.

Barra minn hekk, kien ippreżentat toolkit edukattiv ġdid, ‘Green Home Explained’, għall-istudenti tal-ħames u s-sitt sena. Permezz ta’ dan it-toolkit għall-għalliema, l-istudenti jitgħallmu dwar l-enerġija effiċjenti u rinnovabbli u kif din taħdem.

“Huwa importanti li nikkonservaw ir-riżorsa tal-ilma li hija daqstant importanti għal pajjiżna. Għaldaqstant iridu nkomplu nipreservaw din ir-riżorsa mingħajr ma nħallu impatt fuq l-ambjent. B’hekk permezz ta’ dawn l-għodod ta’ tagħlim inkunu qed inwasslu aktar il-messaġġ tagħna lejn futur sostenibbli,” żiedet tgħid il-Ministru Miriam Dalli.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma Manuel Sapiano sostna dwar l-importanza taċ-ċentru GĦAJN u rrimarka kif bidliet żgħar għandhom jiġu mgħoddija lill-ġenerazzjonijiet iż-żgħar permezz ta’ dan l-impenn edukattiv.

“L-għan taċ-ċentru GĦAJN huwa li nippromowvu l-konservazzjoni tal-ilma b’mod divertenti waqt li nagħtu importanza lill-azzjonijiet żgħar li kulħadd jista’ jagħmel. Kulħadd għandu rwol importanti sabiex nagħmlu l-ħajjiet tagħna iktar sostenibbli,” qal is-Sur Manuel Sapiano.

Għal din l-attività attendew studenti u għalliema mill-iskola Primarja San Ġorġ Preca Valletta u Floriana, Savio College, skola Primarja San Nikola Rabat, St. Edward’s College, Naxxar Induction Hub, St. Paul’s Missionary College Rabat u l-iskola Medja Santa Tereża Birkirkara.

Ekonomija

Sport