Wednesday, April 24, 2024

Serie A: Inter f’logħba diffiċli għand Atalanta

Aqra wkoll

Meta llum jingħata bidu għat-22 ġurnata tal-kampjonat Taljan, l-aktar partita li tispikka tkun dik bejn Atalanta u Inter liema partita hija miftuħa għal kull riżultat. 

Bla dubju, dan huwa konfront diffiċli għan-Nerazzurri li se jmorru għand team li qed jokkupa r-raba’ post u qed jiġġieled biex jispiċċa mal-ewwel erbgħa. 

Peró Inter għandhom il-moral għoli hekk kif ġejjin mir-rebħ tas-Super Cup fuq Juventus bl-iskor ta’ 2-1 liema finali ġiet deċiża fil-ħin barrani. 

Milan, li jinsabu fit-tieni post tal-klassifika, jospitaw lil Spezia fejn m’għandhomx ifallu u mistennija jiksbu t-tliet punti filwaqt li huma jisperaw minn żelqa mill-”kuġini” tal-is­tess belt f’Bergamo!

Napoli jmorru jilagħbu għand Bologna fejn xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom minħabba li mhumiex għad­­dejjin minn perjodu tajjeb, tant, li mill-aħħar ħames logħbiet huma kisbu biss erba’ punti. 

Barra minn hekk, il-Ħamis li għadda huma sfaw eliminati mill-Coppa Italia meta f’darhom sfaw megħluba 5-2 minn Fiorentina. 

Juventus jilqgħu lil Udinese fejn iridu jinsew id-diżappunt tat-telfa tas-­Super Cup Taljana. Fl-istess waqt ir-rimonta li għamlu fir-rebħa  4-3 kontra Roma fi tmiem il-ġimgħa li għadda, għandha tagħtihom kuraġġ biex jibqgħu jikkonċentraw fuq il-kampjonat biex finalment itemmu fl-ewwel erba’ postijiet. 

Iżda Udinese huma kapaċi joffru sfida denja u jħarsu lejn xi sorpriża.

Sport