Tuesday, December 24, 2024

Serie A: Ir-rebħ tal-Iscudetto minn Napoli ttardjat minn Lazio

Aqra wkoll

Lazio tawlu l-istennija ta’ 33 sena ta’ Napoli għar-rebħ tat-titlu tas-Serie A b’mill-inqas ġurnata oħra wara li għelbu f’darhom lil Sassuolo bl-iskor ta’ 2-0 b’goal kmieni u ieħor tard.

Lazio marru fil-vantaġġ fl-14-il minuta permezz ta’ Felipe Anderson qabel ma Toma Basic issiġilla l-punti wara d-90 minuta.

Madankollu, it-team ta’ Maurizio Sarri x’aktarx ippospona biss l-inevitabbli hekk kif Napoli jeħtieġu biss punt mill-aħħar sitt logħbiet tagħhom biex jiksbu t-titlu.

Iċ-ċans li kien imiss tagħhom li jsostnu dak il-punt kien il-bieraħ filgħaxija meta kienu barra minn darhom kontra Udinese.

L-uniċi żewġ rebħiet preċedenti ta’ Napoli fil-kampjonat ġew fl-1987 u fl-1990, fi żmien Diego Maradona mal-club.

*Inter saħħew it-tamiet tagħhom li jikkwalifikaw għaċ-Champions League b’goleada ta’ 6-0 għand Verona li qed jitħabtu biex jevitaw ir-relegazzjoni, hekk kif kemm Edin Dzeko (38, 61) kif ukoll Lautaro Martinez (55, 90) skorjaw darbtejn kull wieħed biż-żewġ goals l-oħra jiġu minn Adolfo Gaich (31 auto-goal) u Hakan Calhanoglu (36)..

*Iżda r-rivali mill-istess belt ta’ Inter – u l-avversarji tagħhom fis-semi-finali taċ-Champions League l-ġimgħa d-dieħla – Milan, raw l-isfida tagħhom għal post fl-ewwel erbgħa tiltaqa’ ma’ intopp wara draw ta’ 1-1 kontra t-team ta’ qabel tal-aħħar fil-klassifika, Cremonese, f’San Siro, waqt li huma niżlu fis-sitt post żewġ punti wara Inter. Setgħet kienet agħar għal Milan, li kieku Junior Messias ma kisibx il-goal tad-draw fit-93 minuta.

*Team ieħor minn ta’ fuq li falla żewġ punti importanti kien dak ta’ Roma li barra minn darhom ma setgħux jtemmu f’xi ħaġa aħjar minn draw ta’ 1-1 għnd Monza li jinsabu trankwilli f’nofs il-klassifika fl-ewwel staġun tagħhom fl-istorja fis-Serie A. Kien Stephan El Shaarawy (24) li tefa’ lil Roma minn fuq iżda Luca Caldirola (39) kiseb id-draw għat-team ospitu.

Ekonomija

Sport