Monday, November 4, 2024

Serie A: Juventus fit-tielet post b’rebħa fuq Lazio

Aqra wkoll

Wara bidu ferm negattiv fil-Kampjonat Taljan, Juventus telgħu fit-tielet post tal-klassifika wara li ospitaw lil Lazio u rebħulhom bl-iskor ta’ 3-0. Qabel dan il-konfront kienu l-istess Lazio qed jaqsmu t-tielet post ma’ Milan, b’dawn tal-aħħar jaqbżu fit-tieni post wara rebħa ta’ 2-1 fuq Fiorentina. 

L-eroj tal-Bianconer kien Moise Keane li skorja doppjetta. L-ewwel goal wasal żewġ minuti minn tmiem l-ewwel taqsima meta Adrien Rabiot rebaħ dwell ma’ Sergej Milinkovic-Savic biex għadda lejn Moise Keane li antiċipa l-ħarġa tal-goalkeeper, Ivan Provedel, billi llobja l-ballun għal ġox-xibka.

Fl-54 minuta, Juventus irduppjaw meta Arkadiusz Milik seraq il-ballun lil Danilo Cataldi u xeħet lejn Filip Kostic li x-xutt angolat tiegħu ġie salvat parzjalment minn Provedel iżda Moise Keane kien pront  xeħet fix-xibka.

Juventus baqgħu jiddominaw u minuta mit-tmiem issiġillaw ir-rebħa meta s-sostitut Federico Chiesa ġera mal-linja u ppreżenta l-ballun fuq platt tal-fidda lil Arkadiusz Milik li xeħet il-ballun fix-xibka minn 10 metri bogħod. 

Sport