Meta tintlagħab il-ġurnata ta’ qabel l-aħħar tas-Serie A, it-taqtiegħa għat-tielet post tista’ tiġi deċiża hekk kif f’konfront dirett Bologna jospitaw lil Juventus, it-tnejn b’67 punt kull wieħed.
Bologna v Juventus – Friski mir-rebħa tal-Coppa Italia kontra Atalanta, Juventus imorru għand Bologna bil-mistoqsija tkun – min se jtemm fit-tielet post?
Rebħa tagħti spinta kbira biex jintlaħaq dan it-tragward minħabba li fl-aħħar ġurnata tal-kampjonat, filwaqt li Juventus jilqgħu lil Monza, Bologna jmorru jilagħbu għand Genoa.
Wara li Bologna kitbu l-istorja billi kkwalifikaw għall-ewwel darba fil-UEFA Champions League, huma jridu jtemmu t-tielet liema pożizzjoni kienet ġiet reġistrata darba biss … fl-istaġun 1966-67 (minn wara it-Tieni Gwerra Dinjija ‘l hawn). Inċidentalment, f’dak l-istaġun Juventus kienu rebħu l-Iscudetto.
Iżda huma se jaffrontaw team b’moral mill-aktar għoli wara s-suċċess tat-tieni unur prestiġjuż li rebħuh għall-15-il darba.
Barra minn hekk, il-Bianconeri jridu jirritornaw għar-rebħa minħabba li fl-aħħar ħames ħarġiet kellhom jikkuntentaw b’ħames draws … filwaqt li Bologna ġew miżmuma darbtejn u rebħu t-tnejn l-oħra.
Huma ma jistgħux jutilizzaw lil Mattia de Sciglio li għadu mweġġa’ u b’hekk jibda jipprepara għall-istaġun li ġej.
Min-naħa l-oħra, Joshua Zirkzee, Lewis Ferguson u Adama Soumaouro se jkunu neqsin għal Bologna minħabba l-istess raġuni.
Lecce v Atalanta – Atalanta jridu jinsew id-diżappunt tal-Coppa Italia, u jikkonċentraw fiż-żewġ partiti kruċjali li ġejjin … illum kontra Lecce u nhar l-Erbgħa li ġej kontra Bayer Leversuken fil-finali tal-UEFA Europa League.
Rebħa kontra Lecce tressaqhom lejn il-kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League … bil-ħames post. U minkejja li qed jiġu segwiti minn Roma, huma jridu jirkupraw partita.
Il-pressjoni tinsab kollha fuq il-Bergamaschi hekk kif jistgħu jibqgħu b’xejn.
Għall-konfront kontra Lecce, huma ma jistgħux jagħmlu użu mis-sospiż, l-Olandiż Teun Koopmeiners filwaqt li Sead Kolasinac u Emil Holm qed jirkupraw minn injury.
Inter v Lazio – Iċ-champions il-ġodda, Inter, jilqgħu lil Lazio li huma aċċertati minn post fil-UEFA Conference League.
Din se tkun l-aħħar partita f’San Siro għal Inter u għaldaqstant se jiġu ppreżentati bit-trofew tal-20 Scudetto mirbuħ min-Nerazzurri … bl-aħħar waħda tkun għand Verona.
Bla dubju, dan il-konfront se jkun formalitá fejn se jara lil Inter jiċċelebraw wara li l-captain tat-team, Lautaro Martinez, jgħolli t-trofew.
L-uniku player nieqes se jkun Francesco Acerbi minħabba injury fil-groin filwaqt li Denzel Dumfries huwa dubjuż.