Meta fadal tliet partiti biex jintemm il-Kampjonat Taljan, it-taqtiegħa għall-ewwel erba’ postijiet daħlet f’fażi mill-aktar interessanti.
Hekk kif Napoli ġew dikjarati champions, issa fadal tliet postijiet biex jiġu deċiżi.
Napoli v Inter – Inter imorru għand Napoli li għadhom f’burdata festiva hekk kif qed jiċċelebraw ir-rebħ tal-Iscudetto wara nuqqas ta’ 33 sena.
In-Nerazzurri jinżlu għal dan il-konfront b’moral għoli wara li kkwalifikaw għall-finali tal-UEFA Champions League li fiha se jiltaqgħu kontra Manchester City.
Din hija partita li huma ma jistgħux ifallu minħabba li rebħa tpoġġihom fix-xifer li jassiguraw il-pożizzjoni tagħhom.
Iżda huma se jkollhom jgħaddu mingħajr is-servizzi tal-imweġġgħin Henrikh Mkhitaryan u Milan Skriniar filwaqt li Hirving Lozano u Mario Rui se jkunu neqsin għal Napoli minħabba l-istess raġuni.
Empoli v Juventus – Juventus jibdew favoriti meta barra minn darhom jaffrontaw lil Empoli li jinsabu fl-14-il post mingħajr il-pressjoni tar-relegazzjoni.
Rebħa għall-Bianconeri taċċertalhom posthom mal- ewwel erbgħa. Peró jkunu jridu jistennew id-deċiżjoni tal-UEFA jekk humiex se jitħallew jieħdu sehem fil-kompetizzjonijiet Ewropej wara li nstabu ħatja ta’ rregolaritajiet finanzjarji.
Il-coach, Massimiliano Allegri, ma jistax jagħmel użu mill-imweġġgħin Paul Pogba, Leonardo Bonucci, Mattia de Sciglio u Kaio Jorge u mis-sospiżi Juan Cuadrado u Danilo.
Udinese v Lazio – Lazio jimmiraw li jirritornaw għar-rebħ meta jmorru jilagħbu għand Udinese.
Xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom hekk kif ġejjin minn telfa kontra Milan (2-0) u draw kontra Lecce (2-2).
B’hekk huma tilfu ħames punti biex mit-tieni niżlu fir-raba’ post fejn jistgħu jintlaħqu minn Milan.
Min-naħa ta’ Udinese, jinsabu xxamplati fin-nofs tal-klassifika u għaldaqstant jinżlu għal-logħob biex jonoraw il-fixture iżda m’huma se jagħmlu l-ebda pjaċiri lill-avversarji tagħhom.
Matias Vecino u Danilo Cataldi għal Lazio se jkunu neqsin minħabba li qed jirkupraw minn injury.
Milan v Sampdoria – Milan jibdew favoriti meta jospitaw lil Sampdoria li diġá huma relegati.
Wara d-diżappunt tal-eliminazzjoni mill-UEFA Champions League, it-tliet punti huma prijoritá għar- Rossoneri biex jibqgħu jittamaw li jtemmu mal-ewwel erbgħa.