Friday, May 3, 2024

IS-SEWQAN BL-ADDOĊĊ … BIŻŻEJJED ŻIEDA FIL-MULTI?

Aqra wkoll

Dil-ġimgħa daħal fis-seħħ it-tibdil li t-Transport Malta kienet ħabbret, b’rabta mal-punti u l-multi relatati mal-kontravenzjonijiet fit-toroq. Tibdil li qed isir sforz iż-żieda fl-inċidenti fit-toroq. Infatti jidher ċar li l-multi li għolew huma biss għal dawk il-kontravenzjonijiet li nstab li qed jipperikolaw il-ħajja tan-nies fit-toroq.

Il-gvern flimkien mal-awtoritajiet relatati nieda dan il-pjan komprensiv biex tissaħħaħ is-sigurtà fit-toroq. Sewqan eċċessiv, sewqan taħt l-influwenza tax-xorb jew droga, użu tal-mowbajl waqt is-sewqan. Dawn u aktar qed iwasslu għal tħabbir ta’ inċidenti u fatalitajiet ta’ kuljum hekk kif sfortunatament żdied is-sewqan bl-addoċċ.

Iż-żieda fil-veloċità hija direttament relatata kemm mal-probabbiltà li sseħħ ħabta kif ukoll mas-severità tal-konsegwenzi tal-ħabta. Pereżempju, kull żieda ta’ 1% fil-veloċità medja tipproduċi żieda ta’ 3% fir-riskju ta’ ħabta serja u żieda ta’ 4% fir-riskju ta’ ħabta fatali.

Filwaqt li sewqan taħt l-influwenza tal-alkoħol u kwalunkwe droga jżidu r-riskju ta’ ħabta li tirriżulta f’mewt jew ġrieħi serji b’5 darbiet aktar minn xi ħadd li ma jkunx taħt l-influwenza.

Spiss naraw is-sewwieqa tal-muturi lebsin helmets mhux maqfula. L-użu korrett ta’ helmet jista’ jwassal għal tnaqqis ta’ 42% fir-riskju ta’ korrimenti fatali u tnaqqis ta’ 69% fir-riskju ta’ korrimenti fir-ras.

Kont taf li l-ilbies taċ-ċinturin tas-sigurtà jnaqqas ir-riskju ta’ mewt bin-nofs u r-riskju ta’ mewt u korrimenti serji fost il-persuni fis-sit ta’ wara b’25%? 

Huwa importanti wkoll li t-tfal jinżammu marbutin fil-car seat jew biċ-ċinturin tas-sigurtà skont l-età tagħhom hekk kif tkun qed tipproteġilhom ħajjithom b’60%.

Permezz ta’ dawn l-azzjonijiet min-naħa tal-awtoritajiet flimkien ma’ żieda fl-ispezzjonijiet fit-toroq se tkun qed tiġi indirizzata aktar is-sigurtà fit-toroq b’mod ħolistiku. Issa importanti li jsir l-isforz min-naħa tas-sewwieqa kemm għall-ġid tagħhom kif ukoll għal dawk ta’ madwarhom fit-triq. Mhuwiex diffiċli li wieħed jifhem għaliex is-sewqan bl-addoċċ huwa ħażin. Anke meta ma jirriżultax f’inċident, is-sewqan bl-addoċċ juri disprezz għas-saħħa u s-sigurtà tal-bniedem li għandha tkun ir-responsabbiltà ta’ kull sewwieq li jipproteġi.

Sport