Sunday, December 22, 2024

Serie A: Maignan u Milan joħorġu ‘l barra minħabba abbuż razzist

Aqra wkoll

Ir-rebħa ta’ 3-2 ta’ AC Milan f’Udinese li ntlagħbet is-Sibt, ġiet sospiża għal perjodu qasir wara allegat abbuż razzist mill-partitarji ta’ Udinese lejn il-goalkeeper ta’ Milan, Mike Maignan.

Maignan wissa lir-referee b’dak li kien qed jiġri qabel ma jħalli l-ground wara n-nofs siegħa logħob, segwit minn sħabu.

L-inċident seħħ ftit wara li l-midfielder, Ruben Loftus-Cheek, fetaħ l-iskor għar-Rossoneri.  

Kellhom jgħaddu għaxar minuti biex is-sitwazzjoni kkalmat u tissokta l-partita. 

“Ma nistgħux nilagħbu football hekk. Mhux l-ewwel darba li seħħ inċident bħal dan,” qal Maignan.

“Is-sanzjonijiet iridu jkunu aktar ħorox. 

“Irridu ngħidu li dak li qed jagħmlu huwa ħażin. Mhijiex il-folla kollha, il-biċċa l-kbira tal-partitarji jmorru l-ground biex jagħti l-appoġġ lit-team tagħhom u jieħdu pjaċir jaraw il-logħba. 

“Dak li ġara fl-ewwel taqsima hu li mal-ewwel goal-kick smajt ħsejjes ta’ xadini … u ma għedt xejn.

“It-tieni darba li mort nieħu l-ballun, erġajt smajtu. Għidt lir-raba’ uffiċjal u lill-bank tiegħi x’ġara.

“Kont irrabjat, għax din mhix l-ewwel darba li ġara. Ma ridtx nilgħab, imma aħna familja u ma stajtx inħalli lil sħabi hekk.”

Fi stqarrija, il-club ta’ Milan qal: “M’hemm assolutament l-ebda post fil-logħba tagħna għar-razziżmu: aħna mbeżżgħin. Aħna miegħek, Mike.”

L-FIGC kitbet: “Aħna aħwa tad-dinja, kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni. Aħna miegħek Mike b’solidarjetá.”

Ekonomija

Sport