Wara li l-bieraħ tard fil-għaxija ntlagħbet il-partitissima tal-programm tas-Serie A ta’ tmiem il-ġimgħa bejn Napoli u Juventus, Milan u Inter jimmiraw li jirritornaw għar- rebħ wara li fl-aħħar ħarġa tagħhom ġew miżmuma fi draw identiku ta’ 2-2 minn Roma u Monza rispettivament.
Lecce v Milan – Iċ-champions Milan għandhom l-għan li jkomplu jżommu l-pass mal-leaders Napoli meta jmorru fi Stadio Via del Mare sabiex jiltaqgħu kontra Lecce. Dawn tal-aħħar jinsabu f’pożizzjoni komda fil-klassifika, eżattament fil-11-il post, mingħajr il-biżgħa tar-relegazzjoni.
Min-naħa tagħhom, Milan ġejjin minn draw xi ftit diżappuntanti kontra Roma u għalhekk iridu jirritornaw għar-rebħ.
Il-coach, Stefano Pioli, għandu numru ta’ players neqsin fosthom Sandro Tonali li huwa sospiż filwaqt li Zlatan Ibrahimovic, Simon Kjaer, Mike Maignan u Divock Origi għadhom imweġġgħin.
Lecce għandhom l-iskwadra kollha għad-dispożizzjoni tal-coch, Marco Baroni.
Inter v Verona – Inter iridu jinsew id-draw diżappuntanti kontra Monza bl-iskor ta’ 2-2 fejn fallew żewġ punti importanti u jiffokaw il-konċentrazzjoni kontra Verona fit-tenattiv li jirritornaw għar-rebħ
Barra minn hekk huma ġejjin minn rebħa mqanżħa ta’ 2-1 fuq Parma fil-Coppa Italia liema partita kellha tmur fil-ħin barrani.
Verona jinsabu involuti sew fil-ġlieda kontra r-relegazzjoni hekk kif qegħdin it-tielet post mill-aħħar b’disa’ punti biss minn 17-il logħba.
Inter għandhom tliet pedini importanti neqsin li jinkludu lill-goalkeeper Samir Handanovic, il-midfielder Marcelo Brozovic u l-attakkant Romelu Lukaku.
Roma v Fiorentina– Dan huwa konfront klassiku bejn żewġ timijiet li qed ifittxu li jiksbu post f’xi kompetizzjoni Ewropea fl-istaġun li ġej.
Roma, li s’issa naqsu li jkunu konsistenti, bil-konsegwenza li jinsabu fis-seba’ post iżda b’punti daqs Atalanta u Lazio.
Rebħa għalihom hija imperattiva jekk iridu jibqgħu fl-isfida għal post Ewropew.
Roger Ibanez se jkun sospiż għal Roma bi Fiorentina li ma jistgħux jinkludu lil Marko Jovic, Rolando Mandragora u Riccardo Sottil.
Sassuolo v Lazio – Lazio huma favoriti li jiksbu t- tliet punti meta jmorru għand Sassuolo.
Mindu rritorna l-kampjonat wara l-waqfa minħabba t-Tazza tad-Dinja, Lazio naqsu li jimpressjonaw meta sofrew telfa kontra Lecce u ġew miżmuma minn Empoli 2-2 wara li Lazio kienu qed igawdu vantaġġ doppju.
Huma se jilagħbu kontra team li d-difiża tiegħu qed issofri bosta goals u għaldaqstant għandhom jieħdu vantaġġ minn dan il-fatt.
Sassuolo għandhom lil Maxim Lopez nieqes minħabba uġigħ muskolari. Min-naħa ta’ Lazio, dawn għandhom lil Manuel Lazzari sospiż.
Programm kollu:
Illum
Cremonese v Monza 3.00
Lecce v Milan 6.00
Inter v Verona 8.45
Għada
Sassuolo v Lazio 12.30
Udinese v Bologna 3.00
Torino v Spezia 3.00
Atalanta v Salernitana 6.00
Roma v Fiorentina 8.45
It-Tnejn
Empoli v Sampdoria 8.45